Lokali

L-Avukat Ġenerali qed jikkomprometti l-pożizzjoni tiegħu

L-Avukat Ġenerali Peter Grech

Bil-mod persistenti li jkompli jiddiskrimina kontra l-Oppożizzjoni u jżommha milli jkollha kopja tal-Inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija sigrieta Egrant, l-Avukat Ġenerali Peter Grech qiegħed jirriskja bil-kbir li jpoġġi l-pożizzjoni tiegħu mhux aktar tenibbli.

Irrappurtat dan il-gazzetta il-mument.

Id-digriet mogħti nhar il-Ħamis li għadda mill-Imħallef Robert Mangion diġà fih innifsu josserva l-imġiba tal-Avukat Ġenerali li qed joħroġ għonqu u jmur lil hinn minn dak mistenni minnu meta qed jagħmel dak kollu li jista’ mhux biss biex itawwal il-proċess għas-smigħ, iżda wkoll biex ixekkel id-demokrazija u l-bilanċ fil-politika meta filwaqt li lill-Gvern kien pront jgħaddilu kopja tal-Inkjesta Maġisterjali – kif kellu kull dritt u dmir li jagħmel – iżda ma hux jimxi bl-istess mod mal-Oppożizzjoni.

U dan qed joħloq żbilanċ serju għaliex filwaqt li l-Gvern għandu kull aċċess għall-informazzjoni kollha li toħroġ minn din l-Inkjesta Maġisterjali, l-Oppożizzjoni – li għandha d-dover li tiskrutina l-operat tal-Gvern – qed tkun imxekkla milli taqdi d-doveri tagħha kif mistenni.

Bid-digriet tal-Ħamis li għadda inħarġet biċ-ċar l-importanza li l-Oppożizzjoni tingħata smigħ b’urġenza għat-talba li għamlet ħalli hi wkoll ikollha kopja intiera tal-Inkjesta Maġisterjali. Dan ifisser li diġà l-pożizzjoni tal-istess Avukat Ġenerali Peter Grech bdiet tkun waħda mhux stabbli.

Dan kollu wara li kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li kien għamel Rikors Kostituzzjonali quddiem il-Qorti biex jingħata kopja intiera tal-Inkjesta Maġisterjali tal-Maġistrat Aaron Bugeja wara li l-Avukat Ġenerali baqa’ jinsisti li ma jridx jgħaddi kopja ta’ din l-Inkjesta Maġisterjali lill-Oppożizzjoni.