Internazzjonali

L-Awstralja: Jonqos il-periklu tan-nirien fi New South Wales bl-istat tal-allert ikompli

L-iskwadri għall-emerġenza fl-Istat ta’ New South Wales jidhru qed jikkontrollaw, ftit jew wisq, in-nirien li qabdu fl-aħħar jiem qalb aħrax u foresta.

Madankollu, ir-residenti fiz-zoni li kienu l-aktar taħt theddida xorta kienu mwissija biex jibqgħu viġilanti. Dan meta għad jistgħu jqumu n-nirien ġodda, bl-irwiefen attwali li qed jiddominaw l-inħawi mistennija jkomplu sa nofs il-ġimgħa.

In-nirien, jew ‘bushfire’, kienu ħakmu nħawi sħaħ tas-subborg rurali ta’ Salt Ash, f’Port Stephens u, fi tmiem il-ġimgħa, l-irwiefen kienu qed iferrxu l-fjammi eqreb tar-residenzi fil-madwar. Dan waqt li l-iskwadri għall-emerġenza ħadu l-aktar passi effettivi biex jipproteġu l-proprjetà, bil-ħelikopters iwaddbu l-bombi tal-ilma għal fuq iz-zoni li kienu affettwati l-agħar mill-fjammi.

Intant, u għalkemm, maż-żmien, naqset l-intensità tan-nirien, l-awtoritajiet wissew li s-sitwazzjoni baqgħet xorta imprevedibbli. Dan waqt li l-iskwadri tal-fire and rescue ta’ New South Wales u l-membri tas-servizzi tan-National Parks u Wildlife tal-Istat kienu qed jissieltu kontra n-nirien madwar Salt Ash.

Fl-istess ħin ma daħlu l-ebda rapporti dwar vittmi jew telf ta’ proprjetà, bl-ajruport ta’ Williamtown ikompli jħaddem it-titjiriet skont l-iskeda.

Dan waqt li l-iskwadri tal-firefighters kienu qed ikomplu jrażżnu l-fjammi li baqgħu jaħdmu f’Port Stephens kif ukoll fl-inħawi ta’ Shoalhaven u Bega. L-awtoritajiet qegħdin jibqgħu attenti għall-potenzjal ta’ ‘bidla’ fiċ-ċirkustanzi.