Internazzjonali

L-Indoneżja: Terremoti ġodda f’Lombok

Il-gżira Indoneżjana ta’ Lombok theżżet mill-ġdid minn żewġ terremoti oħra. Dan wara ġimgħat ta’ theżżiżiet tal-art li swew il-ħajja ta’ madwar 500 persuna fl-inħawi.

L-ewwel terremot, li rreġistra 6.3 fuq l-Iskala Richter, irriżulta wkoll fil-valangi tal-art, fost rapporti li mietet persuna. Dan filwaqt li nqerdu numru ta’ djar fil-belt ta’ Belanting.

In-nies li ħassew l-ewwel theżżiż tal-art ħarġu jiġru fit-toroq fi stat ta’ paniku. Dan waqt li nqatgħu d-dwal f’kumpless kummerċjali ta’ Mataram, il-kapitali ta’ Lombok, fejn ir-residenti ġrew minn djarhom fid-direzzjoni tal-għelieqi fil-viċinanzi.

Ftit tal-ħin wara kien irrappurtat tieni terremot fl-istess zona li kien jimmarka seba’ fuq l-Iskala Richter. Ma ssemma xejn dwar vittmi f’dan il-każ.

Il-gżira ta’ Lombok ilha ġġarrab terremoti u theżżiżiet tal-art sekondarji mid-29 ta’ Lulju. L-akbar terremot (ta’ 6.9) seħħ fil-5 ta’ Awwissu, u fih kienu mietu aktar minn 460 persuna.

Dan it-terremot kien qered numru sostanzjali ta’ djar, moskej u ħwienet u mijiet ta’ eluf ta’ nies – inklużi t-turisti – spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.