Internazzjonali

L-Italja: Tintemm it-tfittxija għan-nieqsa wara t-traġedja f’Ġenova

L-awtoritajiet fil-belt ta’ Ġenova ikkonkludew it-tfittxija għall-persuni rrappurtati nieqsa fil-kroll traġiku tal-Pont Morandi, li seħħ nhar it-Tlieta. It-tfittxija ntemmet wara li l-ħaddiema għall-emerġenza irkupraw l-aħħar tliet katavri, u meta ċ-ċifra tal-mejtin uffiċjali, issa hi stabbilita għal 43.

L-aħħar tliet katavri kienu irkuprati minn karozza li spiċċat mgħaffġa taħt il-konkrit tal-pont. Intant, għad hemm diversi midruba minn din it-traġedja li huma rikoverati l-isptar, u wħud minnhom jinsabu f’kundizzjoni kritika.

It-traġedja tat-Tlieta seħħet meta sezzjoni – twila xi 200 metru – tal-Pont Morandi ċediet f’daqqa u fil-ħin meta t-traffiku kien l-aktar attiv. B’riżultat ta’ dan, numru ta’ vetturi li kienu fuq il-pont, flimkien ma’ bċejjeċ kbar tal-konkrit u tal-metall, baqgħu neżlin għal isfel minn għoli ta’ 50 metru.

Għalkemm l-awtoritajiet, issa, ‘jafu x’seħħ’ mill-persuni kollha li kienu rrappurtati nieqsa fit-traġedja, huma se jkomplu jaħdmu xorta ‘bil-għan li jaċċertaw bis-sħiħ li ma fadalx xi ħadd ieħor taħt it-tifrik tal-pont’.

Il-ħaddiema għall-emerġenzi anki qegħdin jaċċertaw is-sigurtà mal-periferiji tal-Pont Morandi huma u jgħinu fl-investigazzjonijiet biex jistabbilixxu l-kaġun preċiż tat-traġedja.