Ċirka għaxar xhur biss ‘il bogħod mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jingħata pariri biex mal-ewwel opportunità jaġġorna l-Kabinett tal-Ministri.
Fost il-persuni li qed jissemmew bħala li se jkun qed jinbidlilhom id-dekasteru tagħhom hemm il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana li postha qed jissemma’ li se jittieħed mill-Perit Clint Camilleri li fil-preżent jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għall-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.
Dan ġie żvelat fil-gazzetta il-mument.
Skont sondaġġi kunfidenzjali li għandu f’idejh il-Partit Laburista, jirriżulta li minn meta Anton Refalo ma baqax fit-tmexxija tad-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex, il-popolarità tal-Partit Laburista f’Għawdex marret lura bħal granċ.
Jirriżulta minn dan is-sondaġġ kunfidenzjali li filwaqt li Anton Refalo kien jaqdi lil kulħadd biex ikabbar l-għadd ta’ voti personali għalih, il-mod li bih tmexxi Justyne Caruana hu differenti ħafna.
Il-mument qalet li ma humiex biss in-Nazzjonalisti mwarrba minn Justyne Caruana, iżda wkoll dawk kollha magħrufa bħala leali lejn l-eks Ministru Refalo kif ukoll dawk leali lejn il-Perit Camilleri. F’Għawdex il-ġlied intern bejn il-Membri Parlamentari u dawk ta’ madwarhom hu kostanti bin-nies tal-eks Ministru Refalo jakkużaw lill-Ministru Justyne Caruana li mhux biss naffret għal kollox lin-Nazzjonalisti, iżda issa qed turta bis-sħiħ lil ħafna Laburisti wkoll.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju qed ikomplu jiżviluppaw aktar xenarji relatati mal-pressjoni għal aġġornament fil-Kabinett. Fost l-oħrajn il-pariri biex is-Segretarji Parlamentari Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamenari Anthony Agius Decelis jitwarrbu mill-Kabinett minħabba nuqqas ta’ ħila u kompetenza.
Il-pariri lil Joseph Muscat huma li lil dawn iż-żewġ Segretarji Parlamentari għandha tingħatalhom il-kariga ta’ Chairmanship ta’ xi entità governattiva, filwaqt li posthom jingħata lill-Avukati Robert Abela u Edward Zammit Lewis… naturalment fir-rwoli ta’ Ministri.
Aktar fil-gazzetta il-mument.
//= $special ?>