Futbol Sport

Messi jiskorja s-6,000 gowl ta’ Barcelona f’La Liga

(Ritratt: EPA)

Is-Sibt Barcelona skorjaw is-6,000 gowl tagħhom f’La Liga u kważi ma setax jonqos li dan il-gowl storiku jkun skorjat mill-Arġentin Lionel Messi. Messi skorja direttament minn freekick kontra Alaves biex fetaħ l-iskor fl-64 minuta fir-rebħa ta’ Barcelona ta’ 3-0 fl-ewwel logħba tal-Liga tal-istaġun il-ġdid.

Messi skorja b’xutt fil-baxx hekk kif id-difensuri ta’ Alaves għolew flimkien biex jimblukkaw il-free-kick, iżda b’makakkerija kbira Messi xxuttja fil-baxx biex sab ix-xibka. Messi skorja wkoll it-tielet gowl fil-ħin miżjud wara li l-eks plejer ta’ Liverpool Philippe Coutinho skorja t-tieni wieħed fit-83 minuta. Il-kowċ ta’ Barcelona Ernesto Valverde qal fi tmiem il-logħba li Messi ma jieqaf qatt jissorprendi.

Iktar qabel Messi kien laqat il-lasta bi free-kick fl-ewwel taqsima. Messi l-aqwa skorer ta’ La Liga fl-istaġun li għadda, kien skorja wkoll il-5,000 gowl ta’ Barcelona fl-2009, u ta sehem importanti biex it-total jiżdied b’elf gowl ieħor fejn hu skorja 338 gowl f’dan il-perjodu.

L-ewwel gowl fl-istorja ta’ Barcelona kien skorjat minn Manuel Parera fit-12 ta’ Frar 1929 fil-logħba kontra Santander.