Internazzjonali

Possibbiltà ta’ inkwiet dwar ftehim għall-Brexit

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, tista’ tiffaċċja l-inkwiet fit-tentattivi biex il-ftehim tagħha għall-Brexit ikun approvat mill-Parlament ta’ Londra qabel il-pajjiż jispiċċa minn membru tal-Unjoni Ewropea. Dan qalu l-kap ta’ grupp influwenti ta’ deputati li jappoġġjaw il-Brexit, bil-messaġġ ikun ċar li ‘il-problemi se jkunu reali għal May dment li hi ma tibdilx il-proposti attwali.’

Jacob Rees-Mogg, li jmexxi l-European Research Group (grupp fi ħdan il-Partit Konservattiv fil-Gvern) jopponi bil-kbir għall-‘pjan ta’ Chequers’ li qed tippromovi Theresa May għall-Brexit. Fl-istess ħin, Rees-Mogg hu favur li r-Renju Unit jinqata’ għalkollox mill-UE meta d-29 ta’ Marzu se jkun il-jum deċiżiv għall-Britanniċi.

Rees-Mogg tenna, f’intervista li kienet ippubblikata fis-Sunday Times ta’ Londra, li f’każ li Theresa May tinsisti bil-pjan attwali għall-Brexit, hi għandha tiffaċċja numru ta’ voti kontra tagħha fil-House of Commons (Parlament). Fil-fatt, Rees-Mogg, li qed jitqies bħala Kap Konservattiv tal-futur, fisser il-proposti elenkati fil-pjan ta’ May bħala ‘ammissjoni li r-Renju Unit qed iċedi lill-UE’.

Il-pjan ta’ Chequers hu intiż li jżomm lir-Renju Unit fiz-zona għall-kummerċ ħieles mal-UE fir-rigward ta’ prodotti manifatturati u agrikoli. Iżda xi sostenituri tal-Brexit qalu li dan ifisser li sezzjonijiet tal-ekonomija Britannika xorta se jibqgħu suġġetti għar-regoli li jitfasslu fi Brussell.

Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea qed jgħidu li jridu jiffissaw ‘il-ftehim dwar id-divorzju’ waqt il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jsir fit-18 ta’ Ottubru – iżda d-diplomatiċi jemmnu li din il-mira hi ottimista żżejjed. Jekk Theresa May ma jirnexxilhiex tikkonkludi ftehim sa Ottubru, jista’ xorta waħda jintlaħaq ftehim ma’ Brussell waqt il-Kunsill tal-UE li jsir bejn it-13 u l-14 ta’ Diċembru li ġej.

Sadanittant, Rees-Mogg qal li jekk l-affarijiet jiġġebbdu sa Diċembru, jinqalgħu dejjem aktar elementi ta’ riskju għall-proċess, u fejn jifdal tliet xhur biss biex il-ftehim għall-Brexit ikun approvat mill-Parlament ta’ Londra.