Lokali Qorti

Tinqabad tipprova timporta l-kannabis imgeżwra fil-kotba

Il-Qorti tiċħad talba għall-ħelsien mill-arrest ta' mara akkużata bl-importazzjoni ta' aktar minn nofs kilogramma kannabis

Stħarriġ tal-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga wassal biex titressaq il-Qorti mara ta’ 29 sena u tkun akkużata li pprovat timporta aktar minn nofs kilogramma kannabis.

Il-protagonista f’din l-istorja hi Mandy Cassar mis-Swieqi li lbieraħ tressqet il-Qorti mill-Ispettur Joseph Xerri u kienet akkużata li pprovat timporta aktar minn nofs kilogramma kannabis bl-iskop li din tkun traffikata.

Minn fuq il-pedana tax-xhieda, l-Ispettur Xerri fisser kif nhar is-Sibt filgħodu Mandy Cassar kienet arrestata mill-Pulizija tat-Taqsima ta’ Kontra d-Droga wara li segwiet mill-qrib il-movimenti ta’ pakkett suspettuż li oriġinarjament kien wasal Malta mill-Istati Uniti.

Dan il-pakkett bid-droga fih kien indirizzat għal persuna residenti fil-Madliena.

Jirriżulta li kien nhar il-Ġimgħa li dan il-pakkett wasal fil-Posta ta’ Malta u darba pakketti jaslu Malta minn barra l-Unjoni Ewropea, allura jgħaddu għand id-Dipartiment tad-Dwana għal skop ta’ ħlas ta’ SISA.

Jirriżulta wkoll li fuq il-pakkett kien hemm miktub li bħala kontenut kellu erba’ kotba. Iżda meta l-Fizzjali tad-Dwana investigaw l-istess oġġett postali sabu li fil-verità fih kien hemm tlett kotba u pakkett mimli droga kannabis. Fil-fatt il-pakkett bid-droga kien jiżen mas-600 gramma kannabis.

Mistoqsija xi twieġeb għall-akkużi miġjuba kontra tagħha, Mandy Cassar wieġbet li ma kenitx ħatja.

Lejn tmiem is-seduta d-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest ta’ Mandy Cassar, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud, fid-digriet tiegħu, qal li f’dan l-istadju l-Qorti ma tħossx li kellha tagħti l-libertà proviżorja lil din il-mara li qed tkun akkużata b’reati serji ta’ importazzjoni ta’ droga kannabis. Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi kollha f’isem din il-mara. Għalhekk hi nżammet taħt arrest preventiv.