Lokali

FILMAT: “Bdejt nitlob li nsibuh” – It-tfajjel li salva fjamingu ferut mill-baħar

"Bħal ma jkollna bżonn l-għajnuna aħna meta jkollna bżonn, daqstant ieħor il-fjamingu kellu bżonn l-għajnuna tagħna"

Għal Isaac Bezzina, tfajjel ta’ 10 snin, il-Ħadd kienet ġurnata speċjali… għax kienet il-ġurnata li grazzi għalih u għal missieru, Christian, ġie salvat fjamingu.

It-tnejn kienu bid-dgħajsa ‘l barra minn Popeye’s Village meta fil-baħar lemħu l-fjamingu.

“Lil missieri għidtlu staqsejtu.. għidtlu hemmhekk hemm xi ħaġa żgur. jew xi hadd ghandu bzonn l-ghajnuna jew inkella xi haga ohra bhal ma kien hemm, ghasfur. ettlu ejja u mmorru naraw x’hemm,” qalilna Isaac.

U malli raw il-fjamingu, l-istint kien li joħorġu l-mobile biex jiffilmjawh jgħum u forsi anke jtir. Imma ma damux wisq li ntebħu li l-fjamingu kien ferut peress li taħt waħda mill-ġwienaħ kellu d-demm. “Kien jidher għajjien u beda jipprova jtir imma ma rnexxielux,” qalilna Isaac.

Isaac u l-papà tiegħu ċemplu mill-ewwel lill-Birdlife u marru għalihom iċ-Ċirkewwa. Sakemm ġew tal-Birdlife, Isaac u missieru baqgħu jagħmlu kull sforz biex il-fjamingu ma jitbiegħedx ħafna. Billi saqsu d-dgħajsa bil-mod fid-direzzjoni lejn il-fjamingu, provaw jidderiġuh ‘il ġewwa lejn il-kosta.

Sakemm marru jiġbru lil tal-Birdlife miċ-Ċirkewwa, kien hemm biża’ li l-fjamingu jilħaq jintilef. Allura mmarkaw iż-żona bil-GPS biex wara setgħu jsibu triqithom lura b’mod aktar faċli.

“Bdejt nitlob li nsibuh għax peress li kien imweġġa’, xtaqt li ma jgħeriqx u ma jweġġgħax iktar milli hu,” qalilna t-tfajjel.

Malli reġgħu sabuħ, bl-għajnuna tal-uffiċjali tal-Birdlife, il-fjamingu ttella’ fid-dgħajsa.

“Għall-ewwel darba ma rnexxilniex, imma imbagħad provajna t-tieni darba; għamilna kuraġġ u qbadnih,” żied jgħid.

Sandra Cuevas, Conservation Assistant tal-Birdlife, qaltilna li saru jafu b’dan l-inċident b’telefonata fuq linja ta’ emerġenza li għandha l-Birdlife. Peress li ma nstabux pellets fil-fjamingu, il-Birdlife ma tistax tikkonkludi li kienet sparatura li wasslet għall-ferita. Imma tgħidilna wkoll li l-fjamingu qed jirkupra.

Fi tmiem l-intervista, Isaac qalilna li jekk ikun hemm xi għasfur ieħor f’periklu, se jkollu iktar kuraġġ biex imur jgħinu – għax wara din l-esperjenza, jaf eżatti x’għandu jagħmel.