Lokali

FILMAT: Konfużjoni dwar it-trasport b’xejn għall-iskejjel

Hekk kif baqa’ ftit iktar minn xahar biex l-iskejjel jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom, aktar ġenituri għamlu kuntatt ma dan l-istazzjoni minħabba t-tħassib tagħhom dwar it-trasport minn u lejn l-iskejjel tat-tfal tagħhom.

Ġenituri li issa qed iċemplu lill-kumpaniji tat-trasport  li jużaw is-soltu dawn infurmawhom li l-ħlasijiet għas-sena skolastika li jmiss se jkunu l-istess bħas-sena ta’ qabel. Ġenitur partikolari li għamel kuntatt ma’ uffiċjali tal-Gvern dawn qalulu li għalissa ma jista’ jsir xejn għaliex il-legal notice min-naħa tal-gvern għadha ma ħarġitx.

Din is-sistema tħabbret mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fil-budget għas-sena 2018 u kienet imwiegħda miż-żewġ partiti politiċi ewlenin fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Imma minkejja l-wegħda u ż-żmien qasir li baqa’ biex jibdew l-iskejjel kemm l-operaturi u anke l-ġenituri għadhom jinsabu fil-limbu dwar jekk hux ser titħaddem din is-sistema, bil-ġenituri li għamlu kuntatt ma dan l-istazzjon jibżgħu li din issa se tkun implimentata f’qasir żmien bil-konsegwenza li jinħoloq kaos.

Aktar kmieni dan ix-xahar l-MUT, il-Union tal-Għalliema wkoll esprimiet it-tħassib tagħha Sostniet li hemm nuqqas ta’ informazzjoni bl-edukaturi ma jafux x’se jsir minnhom fuq din il-kwistjoni.

Anke l-Partit Nazzjonalista, permezz tal-kelliem tiegħu għall-Edukazzjoni Clyde Puli stieden lill-Gvern biex jasal għall-konklużjonijiet fi żmien tajjeb ħalli jassigura li dawk kollha involuti jkollhom biżżejjed żmien biex iħejju l-loġistika għat-twettiq ta’ din il-wegħda tal-partiti ewlenin it-tnejn.