Wara snin ta’ awsterità kbira minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja li kien spiċċa fiha l-pajjiż, nhar it-Tnejn il-Greċja uffiċjalment ħarġet mill-bailout li kienet ingħatat – l-aħħar u t-tielet bailout.
Imma uffiċjali wissew li xorta l-pajjiż kellu triq twila sakemm ikun ħareġ għalkollox mill-periklu.
L-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali kienu selfu lill-Greċja total ta’ 289 biljun ewro fi tliet bailouts fl-2010, l-2012 u l-2015.
Ir-riformi ekonomiċi li kienu talbu dawk li selfu l-flus il-Greċja biex il-pajjiż jerġa’ jqum fuq saqajħ kissru l-poplu Grieg u wassal biex il-qgħad jitla’ għal 27 fil-mija. Dan apparti protesti kontinwi fit-toroq ta’ Ateni hekk kif il-Gvern rażżan sew l-infiq tiegħu.
Issa minn żbilanċ fil-kontijiet pubbliċi, il-Greċja qed tara surplus u l-qgħad tniżżel taħt l-20 fil-mija. Imma minkejja li l-ekonomija tul dawn is-snin kibret, din xorta waħda hi 25 fil-mija anqas meta mqabbel maż-żmien qabel ma splodiet il-kriżi finanzjarja.
//= $special ?>

