Lokali

AĠĠORNATA: Il-Pulizija tinvestiga żewġ argumenti fil-Marsa

Ilbieraħ fil-Marsa seħħew sensiela ta’ inċidenti.

Minn informazzjoni li għandu NET News, jidher li għall-ħabta tas-1:00am seħħet ġlieda fil-Marsa hekk kif argument bejn żewġ Afrikani u Maltija skala tant li twaddbu fliexken tal-birra u oġġetti oħra.

Fir-ristorant ġewwa Sqaq l-Ajkla, irriżulta li għal xi raġuni qam argument bejn żewġt irġiel ta’ 30 u 33 sena u mara ta’ 25 sena, kollha ta’ nazzjonalita’ Eritreana. Jidher li waqt l-argument ir-raġel ta’ 30 sena aggredixxa lill-mara permezz ta’ oġġett iebes.

Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha.

Ftit qabel ġewwa l-Marsa stess, inqala’ argument ieħor bejn żewġ nisa’ fi Triq il-Marsa.

Fuq il-post issejħu numru ta’ Pulizija tal-RIU biex jikkalmaw is-sitwazzjoni. Fortunatament, jidher li ħadd minnhom ma weġġa’ fl-argument.