EXILES ELIA CATERERS……… 6
SIRENS GREENTUBE…………… 7
(2-1), (2-2), (0-1), (2-3)
Sirens Greentube rnexxielhom jiksbu rebħa importanti ta’ 7-6 fuq Exiles Elia Caterers biex it-tieni logħba tal-play-offs li tintlagħab għada, mistennija tkun aktar missielta minħabba li fin-nofs hemm passaġġ għas-semifinali kontra San Ġiljan.
Ir-riżultat seta’ jmur kull naħa, biż-żewġ timijiet ikollhom il-mumenti tagħhom, iżda Exiles għandhom iħossuhom diżappuntati li se jkollhom jiġru wara r-riżultat. Sirens dehru li bnew fuq l-aħħar prestazzjonijiet u jidhru li huma preparati aktar biex isalvaw l-istaġun.
Exiles bdew tajjeb u marru 2-0 fil-vantaġġ permezz ta’ Michele Stellini u Mark Fenech. Iżda gowl mir-rebound ta’ John Brownrigg eżatt qabel tmiem l-ewwel sessjoni, bidel ftit l-andament. Dan għaliex Sirens irnexxielhom idawru r-riżultat b’lob ta’ Clint Mercieca u konklużjoni tajba ta’ Marc Grech. Exiles wettqu reazzjoni u daħlu jistrieħu 4-3 minn fuq b’gowls ta’ Mark Fenech u xutt tajjeb ta’ Nicky Paris.
It-tielet sessjoni kienet aktar bilanċjata, hekk kif iż-żewġ timijiet kienu attenti li ma jagħtux spazji bla bżonn. Kien il-Kanadiż Nicolas Bicari li skorja l-uniku tas-sessjoni biex b’hekk it-tnejn bdew l-aħħar sessjoni 4-4.
Sirens marru minn fuq għat-tieni darba fil-logħba permezz ta’ konklużjoni mil-lemin ta’ Marc Grech. Għal darba oħra, Exiles irnexxielhom idawru r-riżultat b’gowl minn rebound ta’ Slobodan Nikic u gowl tipiku mil-lemin tax-xellugi Mark Fenech.
Il-logħba kienet għadha ma spiċċatx għaliex Sirens ġabu d-draw minn Luke Caruana biex wara time-out imsejjaħ mill-kowċ Sasko Popovski, Sirens skorjaw il-gowl tar-rebħa b’24 sekonda mit-tmiem permezz ta’ Jacob Sciberras.
Exiles: M. Castillo, M. Fenech (3), A. Bianchi, M. Stellini (1), T. Sullivan, S. Xerri de Caro, S. Nikic (1), K. Griscti, N. Paris (1), A. Cousin, B. Lanzon, P. Paris, G. Ciappara
Sirens: N. Grixti, P. Privitera, E. Aquilina, N. Bicari (1), M. Grech (2), I. Riolo, C. Mercieca (1), J. Sciberras (1), J. Napier, G. Sammut, L. Caruana (1), J. Brownrigg (1), G. Galea Curmi
Referees: Mario Dalli, Alessandro Severo
Faċli għal Neptunes
NEPTUNES LEO VEGAS………. 15
VALLETTA VIDEOSLOTS…….. 6
(2-0), (6-2), (4-1), (3-3)
B’distakk ta’ disa’ gowls, Neptunes Leo Vegas huma kważi ċerti li jilagħbu kontra Sliema Frank Salt fis-semifinali tal-play-offs tal-Kampjonat Premier. It-tim tal-Balluta żamm mal-pronostiku u għalaq il-logħba sat-tieni sessjoni biex komplew jikkontrollaw sat-tmiem biex il-partita ta’ għada mistennija tkun formalità.
Neptunes rebħu l-ewwel sessjoni 2-0 b’gowls ta’ Jeremy Abela u Jordan Camilleri. Michele Mifsud naqqas id-distakk fil-bidu tat-tieni sessjoni, iżda Gabriel Pace u tripletta ta’ Stevie Camilleri fetħet id-distakk mixtieq li bih Neptunes setgħu jamministraw il-logħba. Sa tmiem it-tieni sessjoni huma kienu fetħu vantaġġ komdu ta’ sitt gowls.
Neptunes, taħt it-tmexxija ta’ Nenad Navarin minflok is-sospiż Jovan Popovic, żammew l-istess ritmu fit-tielet sessjoni hekk kif il-logħba tilfet l-interess tagħha. Marton Toth skorja għal Valletta sakemm Gabriel Pace, Matthias Azzopardi u doppjetta ta’ Petar Muslim għamel l-iskor 12-3.
Ir-rotazzjoni fit-tim ta’ Neptunes kompliet fl-aħħar sessjoni b’Valletta jirnexxielhom tal-anqas ma jkabbrux id-distakk tat-telfa.
Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan, G. Pace (2), P. Muslim (4), N. Zammit, S. Camilleri (3), J. Camilleri (4), J. Abela (1), M. Zammit, J. Muscat, M. Azzopardi (1), J. Parnis
Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines, A. Agius, M. Mifsud (2), T. Agius, R. Mock, D. Paolella, M. Toth (3), N. Bonello Ghio, C. Zammit (1), N. Farrugia, L. Gialanze, M. Lanzon
Referees: Massimo Angileri, Fabio Riciotti
//= $special ?>