Parruċċan fil-Birgu se jispiċċa jitlef il-festa ta’ San Duminku li se ssir fi tmiem il-ġimgħa wara li allegatament ħebb għal dilettant ieħor waqt argument.
Sandro Calleja ta’ 40 sena mill-Birgu tressaq il-Qorti akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi, ħebb għal raġel ieħor u kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. L-inċident seħħ il-Ħadd għall-ħabta tas-1pm meta l-akkużat u l-vittma, li hu sostenitur ta’ każin tal-banda rivali, spiċċaw f’battibekk.
Il-qiegħa malajr saħnet, u mill-kliem l-irġiel għaddew għall-idejn. Allegatament ir-raġel qabad lil Calleja minn għonqu li min-naħa tiegħu irreaġixxa meta qabad qasrija li kien hemm fit-triq u allegatament kissirha fuq ras ir-raġel l-ieħor. Il-vittma kellha bżonn tingħata l-kura f’ċentru tas-saħħa u mistenni jitressaq il-Qorti fi proċeduri separati.
Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest għal Calleja fejn sostniet li għandu kondotta nadifa. Il-Prosekuzzjoni ma kellhiex oġġezzjoni għall-liberta’ proviżorja sakemm il-Qorti tpoġġi kundizzjonijiet sabiex tiżgura li ma jkunx hemm iktar kuntatt bejn l-akkużat u dilettanti rivali hekk kif qed toqrob il-festa.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000. il-Qorti ordnat ukoll li Calleja ma joħroġx mir-residenza tiegħu bejn is-7pm u s-6am sat-Tlieta, 28 ta’ Awwissu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Oriana Spiteri. L-Avukati Franco Galea u Lucio Sciriha dehru għall-akkużat.
//= $special ?>