Lokali

Se jittieħdu passi kontra l-kuċċier

Id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, preżenta kwerela lill-Pulizija ta’ Malta sabiex jittieħdu l-proċeduri kriminali meħtieġa kontra l-kuċċier taż-żiemel li fit-8 t’Awwissu miet fil-furjana waqt li kien qed jiġbed karozzin.

Dan sar wara li ħarġu r-riżultati tan-nekrospija, (awtopsja li ssir fuq annimali). L-eżami xjentifiku identifika l-fatturi illi waslu għall-mewt taż-żiemel involut, fost dawn individwa s-sofferenza għal fatt li ż-żiemel kien espost għas-sħana kif ukoll li f’dawn iċ-ċirkostanzi kien tiela’ telgħa wieqfa b’tagħbija u għaldaqstant ikkawżat temperatura eċċessiva tal-ġisem.

Il-Kwerela ntalbet wara li l-liġi tgħid li l-eda  annimal  ma  għandu  jiġi  mġiegħel  isofri  uġiegħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn”, kif ukoll, “kull persuna għandha tieħu dawk il-passi raġonevoli f’kull ċirkostanza sabiex tiżgura li l-ħtiġiet ta’ annimal li hija responsabbli għalih, jew li taqbel li tieħu ħsieb, jintlaħqu hekk kif meħtieġ bi prattiċi tajba sabiex tiġi żgurata s-saħħa u l-benesseri tal-annimal.”