Ewropa Lokali

Xogħoli qed joqros fil-laħam il-ħaj – David Casa

Fi stqarrija l-membru tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa qal li l-gazzetta MaltaToday ta’ Saviour Balzan ppublikat storja li fiha allegat li kiser regoli tal-Unjoni Ewropea u dan minkejja li pprovda leġiżlazzjoni li turi li dan ma kienx il-każ, bid-dettalji li ġew ppublikati fl-istorja huma b’mod intenzjonat qarrieqa u ineżatti.

David Casa qal li m’hemm xejn irregolari, llegali, l-ebda ksur ta’ regolamenti Ewropej u l-anqas hemm ksur ta’ etika f’din l-istorja ppublikata.

Il-membru ewroparlamentari qal li l-istorja tal-MaltaToday hi intenzjonata li tkisser ir-reputazzjoni tiegħu fuq bażi ta’ qerq. Dan hu parti minn attakk kkordinat mill-Partit Laburista biex isiktu lil min jikkritikahom. David Casa qal li fl-aħħar xahar hu kien mhedded b’azzjonijiet legali mill-FIAU wara li ppublika rapport tal-FIAU stess li kien isejjaħ għal azzjonijiet mill-Pulizija kontra Konrad Mizzi minħabba korruzzjoni u ħasil tal-flus. Casa kien ukoll mhedded mill-avukati ta’ Keith Schembri li wkoll jirrappreżentaw il-Bank Pilatus.  Kien ukoll vittma ta’ kampanja minn esponenti tal-Partit Laburista li saħansitra sejħu sabiex David Casa jingħata l-forka.

David Casa qal li hu kien fuq quddiem fil-ħidma għall-protezzjoni tal-ġurnaliżmu investigattiv. Hu kien li ressaq emendi biex iżid b’mod sinifikanti l-protezzjoni tal-ġurnalisti permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Whistleblower li qed tkun diskussa fil-Parlament Ewropea u li għalih kien responsabbli f’isem il-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

L-MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista qal li nieda kampanja li għadha għaddeja għal-leġiżlazzjoni Ewropea li tipproteġi ġurnalisti minn kawżi abbużivi kontrihom. Imma l-istorja ppublikata mill-MaltaToday mhix storja ta’ ġurnaliżmu investigattiv, hi storja li tqarraq bil-qarrejja tagħha, b’mod partikolari dawk li għadhom jemmnu li din il-gazzetta mhux fil-but tal-Partit Laburista.

David Casa qal li qatt ma hedded lil gazzetta MaltaToday, hu sostna li hu qal li jekk il-Maltatoday tippublika l-istorja li mhux veritiera se jkun qed jieħu passi biex iħares ir-reputazzjoni tiegħu.

Temm jgħid li jifhem li xogħolu idejjaq lill-persuni fil-Partit Laburista, u jekk mhux se jaġixxu fuq it-theddid kontinwu tagħhom iridu jitgħallmu jgħixu b’dan il-mod.