Lokali

Żieda sostanzjali fil-prezz tas-servizzi tal-wardens

Is-servizzi tal-wardens għal attivitajiet bħall- festivals u festi kważi rdoppjaw fil-prezz.

Il-kunsilli lokali madwar pajjiżna ġew avżati mill-Aġenzija Sistema Lokali tal-Infurzar (LESA), li r-rata ta’ dawn is-servizzi żdiedet minn €7.92 għal €15 kull siegħa.

Għas-servizzi tal-immaniġjar tat-traffiku, li jinkludi s-servizz ta’ uffiċjal tal-komunita’ bħalma hu warden, ir-rata telgħet għall-€11.50 minn €7.92. Fil-Ħdud u l-festi pubbliċi, ir rata żdiedet minn €8.85 għal €15.

Dawn il-bidliet daħlu fis-seħħ fit-tnejn ta’ Lulju, xahrejn wara li l-Gwardjani lokali kienu trasferiti kollha mal-LESA.

Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali, f’kummenti lill-media qal li ma jħossx li kellhom isiru dawn it-tibdiliet qabel ir-riforma tal-Kunsilli Lokali.

Fl-24 ta’ Marzu, Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Silvio Parnis, qal illi l-white paper għar-riforma tal-Kunsilli Lokali ser tinħareġ daqt, pero’ sa issa għadu ma ġie ppublikat xejn.

Cutajar saħaq li l-white paper kellha tiġi ppublikata f’April, żied jgħid ukoll illi l-kunsilli lokali għandhom bżonn l-għajnuna tal-Gvern sabiex jissaħħew il-finanzi tagħhom mingħajr ma jiġu introdotti taxxi ġodda.

Cutajar irrimarka li s-servizzi li qed jiżdiedu fil-prezz kull m’huma ser ikunu qed jagħmlu huwa li jżidu l-ispejjeż tal-kunsilli lokali. Ta’ min isemmi wkoll li dawn is-servizzi irid jiżdied magħhom il-VAT.