Il-kompożitur Malti Dr. Paolo Nani huwa assoċċjat mal-mużika sagra għall-orkestri, partikolarment l-antifoni miktuba li jagħtu ġieħ lill-qaddisin Patruni ta’ diversi rħula madwar Malta. Antifona partikolari assoċċjata direttament ma’ anniversarju importanti għall-Parroċċa ta’ San Ġiljan hija Beate Juliane tal-1893, li Nani kkompona 125 Sena ilu u żżanżnet dakinhar tal-wasla tal-Vara Titulari ta’ San Ġiljan mingħand Karlu Darmanin.
Din l-antifona se tingħata l-ħajja illejla permezz tal-Banda Spinola ta’ San Ġiljan u l-Amadeus Chamber Choir f’Akkademja Vokali u Strumentali fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan fit-8 ta’ filgħaxija. Apparti l-anniversarji ta’ din l-antifona u tal-Vara ta’ San Ġiljan, f’dan il-kunċert se jitfakkar ukoll il-50 Sena mill-ftuħ ta’ din l-istess Knisja.
Għalhekk tħejjiet selezzjoni ta’ mużika sagra li tagħti ġieħ lil Alla, qabel kollox, għal dan it-Tempju kkonsagrat lilu, fosthom l-Halleluljah ta’ Handel, Jesu, Joy of Man’s Desiring ta’ Bach u Ave Verum Corpus ta’ Mozart.
Mal-antifona msemmija qabel, se tindaqq antifona oħra tal-istess kompożitur aktar popolari mal-Ġiljaniżi tal-1847 u selezzjoni ta’ mużika sagra ddedikata lil San Ġiljan biex jitfakkar l-anniversarju tal-Vara. Wieħed ta’ min isemmi l-Innu l-Kbir lil San Ġiljan, ta’ Andrew Coleiro, u 2 Innijiet lil San Ġiljan ta’ Ray Sciberras, kollha kkomponuti fuq lirika ta’ Anselm Sciberras.
Mal-banda u l-kor, li se jkunu mmexxija mis-Surmast Ġiljaniż, Aldo Minuti, jingħaqdu t-Tenur Brian Cefai u l-Baxx Albert Buttigieg.
Spunt interessanti minn din l-Akkademja hija preżentazzjoni mir-restawraturi Atelier del Restauro dwar ix-xogħol ta’ restawr li sar matul dawn l-aħħar 10 xhur fuq il-Vara ta’ San Ġiljan.
Din l-Akkademja hija waħda fost diversi attivitajiet skedati matul il-ġimgħa li ġejja li jwasslu lill-Ġiljaniżi għal Jum il-Festa Titulari tagħhom fejn issir il-Purċissjoni bil-Vara rrestawrata ta’ San Ġiljan madwar it-toroq tar-raħal.
//= $special ?>