Internazzjonali

Il-kantanta Madonna akkużata b’disrispett għal Aretha Franklin

Il-kantant Amerikana Madonna spiċċat f’polemika oħra wara li għamlet diskors bil-għan li jingħata unur lill-mibkija kantanta Aretha Franklin, ‘ir-Reġina tal-Mużika Soul’, li mietet ftit jiem ilu. Id-diskors ta’ Madonna, waqt iċ-ċerimonja tal-MTV VMAs, fi New York, kien ikkritikat minn uħud bħala ‘wieħed li wera disrispett (lejn Franklin)’ u li kien ‘aktar intenzjonat bħala promozzjoni għat-talenti tal-istess Madonna’.

Fid-diskors ta’ ħames minuti, Madonna rringrazzjat lil Aretha Franklin ‘talli saħħet il-pożizzjoni tal-mara ( fis-soċjetà) bit-talenti u l-personalità tagħha’. Madankollu, numru ta’ nies li esprimew fehmthom fuq il-media soċjali kundannaw lil Madonna ‘għall-fatt li parti mid-diskors instama’ aktar bħala rakkont u eloġju dwar il-karriera tagħha stess’.

Fid-diskors, Madonna semmiet, fost oħrajn, il-bidu tal-karriera tagħha meta hi, darba, kellha tkanta l-kanzunetta ta’ Franklin ‘(You Make Me Feel Like) A Natural Woman’. Intant, hi ippruvat twassal messaġġ ta’ rikonoxximent talli Franklin ‘influwenzat lilha bħala kantanta u lil ħafna oħrajn’ iżda n-nies fuq Facebook u Twitter qablu li ‘l-eloġju ta’ Madonna sar fl-interessi tagħha aktar milli bħala tifħir lir-Reġina tas-Soul’.

Waqt is-serata tal-MTV VMAs, Madonna preżentat il-premju ewlieni – għall-video tas-sena – lil Camila Cabello għal ‘Havana’.