Lokali

Iż-żidiet għall-għoli tal-ħajja mhux iwieġbu għall-ħtġijiet reali – AKF

Tappella lill-Gvern biex jikkoreġi l-mod kif tiġi kkalkulata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja

Skont l-Alleanza Kontra l-Faqar (AKF), iż-żidiet li qed jingħataw mill-gvern biex jagħmlu tajjeb għall-għoli tal-ħajja mhux qed iwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ dawk bi dħul baxx f’pagi jew pensjonijiet.

L-Alleanza qed tgħid li l-mod kif tinħadem ir-rata tal-inflazzjoni bl-użu tal-indiċi tal-prezzijiet, ma tirriflettix il-vera rata tal-għoli tal-ħajja għal min għandu dħul baxx.

Ir-rata tal-inflazzjoni tinħadem fuq basket ta’ prodotti u servizzi u kif dawn jeffettwaw lill-konsumatur. Iżda jidher li l-effett li qed jiġi mkejjel huwa fuq konsumatur bi dħul ferm ogħla minn dħul ta’ familji bi dħul baxx. B’hekk il-COLA jew iż-żieda għall-għoli tal-ħajja ma tkunx tlaħħaq mal-ħtiġijiet ta’ dawk bl-inqas dħul.

Dawk bi dħul aktar baxx ġeneralment ikollhom infieq ogħla fuq affarijiet bażiċi bħal ikel, kera, mediċini u servizzi tas-saħħa. Skont statistika tal-NSO u tal-Eurostat dawn il-prodotti u servizzi qed jogħlew b’rata ikbar minn affarijiet oħra.

L-istqarrija qalet li n-nuqqas ta’ aġġustament korrett qed joħloq iktar faqar. B’riżultat ta’ dan, dawk b’inqas dħul qegħdin kull ma jmur imorru iktar lura fil-valur tal-pagi u l-pensjonijiet u d-dħul tagħhom mhux qed ikun biżżejjed biex jgħixu ħajja diċenti.

L-Alleanza Kontra l-Faqar temmet l-istqarrija tagħha b’appell lill-Gvern biex fil-baġit li ġej jikkoreġi dan in-nuqqas.