Lokali

Jiddaħħlu erba’ Legal Notices bis-serqa: Organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem mhux konsultati

Jistennew li l-Gvern jissospondi l-legal notices biex isiru diskussjonijiet

Il-GRTU, il-Kamra tal-Kummerċ, Industrija u Intrapriża, l-Assoċċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, u l-Assoċċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti flimkien ħarġu stqarrija fejn esprimew id-diżappunt tagħhom għall-mod kif erba’ legal notices dwar relazzjonjiet industrijali ġew introdotti bis-serqa fil-jiem li għaddew.

Dan wara li dawn il-legal notices daħlu fis-seħħ lejliet Santa Maria, mingħajr l-għarfien tal-assoċċjazzjonijet imsemmija jew konsultazzjoni f’dan ir-rigward. Il-Legal notices jemendew fost l-oħrajn liġijiet dwar il-leave u l-paylslips.

Fid-dawl ta’ dan, dawn l-erba’ assoċċjazzjonijiet qed jirrifjutaw li jattendu għal laqgħat mal-Bord għar-Relazzjonjiiet Industrijali ,l-ERB, sakemm din is-sitwazzjoni tiġi ndirizzata.

Dawn l-assoċċjazzjonijet esprimew it-tħassib tagħhom għall-fatt li kien hemm tnaqqis serju f’dak li hu spirtu ta’ djalogu soċjali li kien jeżisti f’dan il-bord. Tant hu hekk li dawn l-erba’ legal notices qatt ma ġew diskussi fil-bord li l-iskop tiegħu hu li jagħti parir lill-ministru dwar materji ta’ industrija u mpjieg.

Skont dawn l-assoċċjazzjonijiet, fin-nuqqas ta’ diskussjonijiet, dawn l-emendi se jagħtu lok għal tħarbit fil-qasam tax-xogħol. Għaldaqstant l-organizzazzjonijet talbu lill-Gvern biex jissospendi dawn il-legal notices sakemm isiru diskussjonijiet mal-Bord għar-Relazzjonijet Industrijali. Huma komplew jgħidu li qabel ma jseħħ dan, huma mhux lesti jirritornaw mal-mejda tal-Bord għad-diskussjonijiet.

L-istqarrija tkompli tgħid li minflok ma l-awtorijatijet ikkonsultaw mal-istakeholders, f’dan il-każ l-assoċċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, huma warrbu l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-kollox u baqgħu għaddejin bl-implimentar tal-emendi kif dehrilhom. L-istqarrija temmet tgħid li b’dan il-mod ixxejjen għal kollox l-iskop li għalih inħoloq il-Bord għar-Relazzjonjiiet Industrijali.