Internazzjonali

Jiddikjara ‘jum ta’ liberazzjoni’ għall-Greċja wara l-era tal-bailout

Il-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, iddikjara dan iż-żmien għal pajjiżu bħala ‘it-tmiem ta’ Odissea moderna’. Dan wara li l-Greċja, fil-bidu tal-ġimgħa, ħarġet minn era diffiċli karatterizzata minn disa’ snin ta’ bailouts — bi Tsipras, issa, itenni li ‘il-pajjiż ma għandu jinsa qatt il-lezzjonijiet koroh dovuti għas-superviżjoni finanzjarja bir-reqqa mill-kredituri tal-Greċja’.

Tsipras iddikjara ‘il-jum ta’ liberazzjoni’ waqt diskors li għamel fuq għolja li tħares direttament għal fuq il-gżira ta’ Ithaca, li tinsab fil-Baħar Jonju. Id-deċiżjoni biex hu jagħmel id-diskors ta’ wara l-bailout fl-inħawi tal-gżira kellha element ta’ simboliżmu klassiku relatat għall-poeżija epika ta’ Homer ‘Odysseus’ fejn Re tal-Greċja antika jirritorna mill-gwerra ta’ Trojja wara li kien dam is-snin mitluf fuq il-baħar.

Il-Prim Ministru Grieg, waqt id-diskors, fakkar ukoll meta l-Griegi, ftit tas-snin ilu, ‘għaddew ir-riedni tal-pajjiż lill-kaptani ġodda’, b’dan jirreferi għar-rebħa elettorali tal-Partit Syriza tiegħu. Intant, Tsipras irid jiffaċċja elezzjonijet is-sena d-dieħla u qed jittama li jagħmel gwadann politiku minn era ġdida fejn il-Griegi jista’ ikollhom aktar serħan tal-moħħ.

It-tielet ftehim għall-bailout tal-Greċja konkluda nhar it-Tnejn. Dan wara li l-kredituri internazzjonali kienu provdew il-fondi lill-pajjiż, li, min-naħa tiegħu, kellu jaddotta riformi diffiċli u politika ta’ awsterità li kienet ilha segwita mill-ispetturi barranin mill-2010.