Sport Sport Ieħor

Jitilgħu l-poloz tal-kampjonat lokali tal-futsal

(Ritratt: Matthew Tabone)

Fit-Trophies Lounge tal-MFA telgħu l-poloz tal-kampjonat lokali tal-Futsal li minn dan l-istaġun se jkollu dehra differenti hekk kif il-kampjonat se jkun organizzat mill-MFA.

F’dan l-istaġun se jkun hemm diviżjoni waħda magħmula minn għaxar timijiet, tnejn anqas mill-istaġun li għadda. Ħamrun, Mrieħel, Qormi, Marsaskala u Junior College huma t-timijiet li mhux se jipparteċipaw mill-istaġun li għadda, filwaqt li daħlu Birkirkara, Luxol U19 u UM Futsal Academy, biex b’hekk se jkun hemm żewġ timijiet tal-Università ta’ Malta.

Inċidentalment dawn it-tnejn se jiltaqgħu kontra xulxin fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat. Il-favoriti għar-rebħ tal-kampjonat mistennija jerġgħu jkunu ċ-champions Valletta u Luxol

Il-kampjonat jibda fl-1 ta’ Ottubru fejn l-10 timijiet se jilagħbu rawnd qabel mal-ewwel sitta jilagħbu fl-Elite Futsal League u l-erba’ timijiet l-oħra jilagħbu fil-Futsal League. It-tieni fażi tal-kampjonat se tintlagħab fuq żewġ rawnds, bl-ewwel żewġ timijiet tal-Elite Futsal League jilagħbu fil-finali għar-rebħ tal-kampjonat, fuq bażi tal-aqwa minn ħames logħbiet.

Il-Viċi President tal-MFA Matthew Paris qal li hemm impenn kollettiv biex jippruvaw itejbu l-livell tal-kompetizzjonijiet domestiċi kif ukoll titjieb id-dehra tal-futsal lokali b’mod ġenerali. Hu qal li dan jista’ jintlaħaq biss bil-koperazzjoni tal-klabbs u dawk involuti.

Waqt it-tnedija tal-kampjonat, kien preżentat b’mod uffiċjali Vic Hermans bħala kowċ nazzjonali ta’ Malta. Il-kowċ ta’ 65 sena diġà mexxa lit-tim Malti fil-passat bejn l-2009 u l-2011.

L-istaġun tal-futsal jibda fl-14 ta’ Settembru bis-Super Cup bejn iċ-champions lokali Valletta u r-rebbieħa tan-knock-out l-istaġun li għadda l-Università ta’ Malta.

Imbagħad bejn id-19 u l-25 ta’ Settembru, it-tim nazzjonali Malti se jkollu kamp ta’ taħriġ kif ukoll jilgħab żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra l-Olanda.

L-ewwel ġurnata

Swieqi U. v Pietà H.

Luxol v Birkirkara

Tarxien R. v Luxol U19

Valletta v Swieqi U21

UM Futsal Academy v Università ta’ Malta