Futbol Sport

Miralem Pjanic iġedded il-kuntratt ma’ Juventus sal-2023

Il-midfielder ta’ Juventus Miralem Pjanic ġedded il-kuntratt sal-2023. Din hi aħbar pożittiva għall-kowċ Massimiliano Allegri li b’hekk ingħata konferma li se jkollu lil Pjanic fit-tim, wara li fl-aħħar ġimgħat kien hemm spekukazzjonijiet li kien qed jinteressa timijiet oħra.

Il-kuntratt oriġinali ta’ sentejn ilu kien jiskadi fl-2021, u b’dan il-kuntratt Pjanic se jkollu kuntratt aħjar b’salarju ta’ €6.5 miljuni kull staġun għall-ħames snin li ġejjin.

Pjanic ħalla impressjoni tajba minn meta ngħaqad maċ-champions Taljani mingħand Roma żewġ staġuni ilu. Hu lagħab 92 logħba sa issa fejn skorja 15-il gowl, filwaqt li hu l-aktar plejer ta’ Juventus li kellu assists b’total ta’ 17 filwaqt li hu l-aktar plejer li ħoloq okkażjonijiet ta’ gowl fis-Serie A.

Fl-istaġun li għadda, Pjanic kien l-uniku midfielder ċentrali li fil-kampjonat kollu skorja tal-anqas ħames gowls u serva ħames assists.