Internazzjonali

RITRATTI: Numru mejtin u oħrajn mitlufa minħabba l-għargħar f’Kalabrija

Fl-Italja, talanqas għaxar hikers tilfu ħajjithom fir-reġjun ta’ Kalibrija li ntlaqat minn għargħar f’daqqa — bl-uffiċjali tal-emerġenza, sigħat wara, isalvaw numru ta’ nies miz-zona.

Il-vittmi, dak il-ħin, kienu għaddejjin minn mill-Wied ta’ Raganello qalb l-għoljiet, fl-inħawi ta’ park nazzjonali, meta laqathom ‘ħajt tal-ilma’ għall-għarrieda. Il-wied jinsab fin-nofsinar tal-provinċja ta’ Cosenza u ħadd ma kien qed jistenna li l-għargħar kellu jolqot l-inħawi bis-saħħa ta’ valanga, bir-riżultat li ħadd ma kellu ċans għal reazzjoni.

L-uffiċjali aktar tard qalu li salvaw talanqas 23 persuna – fosthom hikers oħrajn — b’tifla ta’ tmien snin tittieħed b’urġenza lejn l-isptar fejn qed tingħata trattament għall- effetti ta’ hypothermia.

Intant, il-Ministeru Taljan għall-Ambjent sostna li hu ‘prattikament ċert’ li ma kienx fadal aktar persuni nieqsa fiz-zona partikulari ta’ Kalabrija.

Sorsi mat-taqsima għall-protezzjoni ċivili qalu li l-hikers li ntlaqtu direttament mill-għargħar spiċċaw ‘sparati qishom balal’ mill-qilla u fejn huma tkaxkru mal-ilma għal kilometri u għat-tul tal-wied. Fil-bidu tal-ġimgħa kien hemm perjodi twal ta’ xita u rwiefen f’diversi bnadi ta’ Kalabrija, bit-temp, maż-żmien jaqleb għall-aħjar.

Intant, l-inħawi u l-widien qrib ix-xmara ta’ Raganello huma rakkmandati biss għall-hikers b’esperjenza u, f’ċerti żmenijiet tas-sena, l-aċċess mill-inħawi huwa projbit minħabba l-element ta’ periklu.