Pierre Gasly se jieħu post Daniel Ricciardo bħala sieħeb Max Verstappen ma’ Red Bull is-sena d-dieħla. Gasly li għandu 22 sena, bħalissa jinsab fl-ewwel staġun tiegħu sħiħ mat-tieni tim ta’ Red Bull, Toro Rosso, u ddeskriva l-promozzjoni tiegħu bħala ħolma li saret realtà.
Iż-żagħżugħ Franċiż se jimla l-vojt wara li Ricciardo ħasad lil Red Bull wara li ħabbar li se jingħaqad ma’ Renault staġun ieħor. Il-kap tar-Red Bull Christian Horner ddeskriva lil Gasly bħala wieħed mis-sewwieqa żgħażagħ l-aktar promettenti.
“Kien l-għan tiegħi li ntellaq ma’ dan it-tim minn meta ngħaqadt fil-programm ta’ sewwieqa żagħażagħ li kienu għamlu Red Bull fl-2013. Din l-opportunità inkredibbli hu pass ieħor ‘l quddiem fl-ambizzjoni tiegħi li nirbaħ it-tlielaq u nikkompeti għar-rebħ tal-kampjonat,” qal Gasly.
Minn meta Ricciardo kkonferma li se jħalli t-tim, Fernando Alonso ħabbar ukoll li mhux se jkun qed jikkompeti l-istaġun li ġej, b’Carlos Sainz jeħodlu postu ma’ McLaren. Dan ifisser li meta l-istaġun ikompli din il-ġimgħa bil-Grand Prix tal-Belġju, erba’ sewwieqa se jkunu qed isuqu ma’ timijiet li mhux se jibqgħu magħhom fl-2019.
B’dan it-trasferiment, Red Bull mistennija jibdew l-istaġun li ġej bl-iżgħar koppja ta’ sewwieqa fl-isport.
//= $special ?>