SIRENS GREENTUBE……………… 9
EXILES ELIA CATERERS…………. 8
(3-2), (4-2), (1-4), (1-0)
Aggregate 16-14
Sirens Greentube se jiltaqgħu kontra San Ġiljan fis-semifinali tal-play-offs wara li għat-tieni darba fi ftit jiem għelbu lil Exiles Elia Caterers b’distakk ta’ gowl biex għaddew b’aggregate ta’ 16-14. Partita missielta li fiha Sirens urew determinazzjoni li javvanzaw, b’Exiles kellhom jiġru wara l-logħba għal ħafna mill-partita.
Minkejja d-diżappunt tal-eliminazzjoni, Exiles għandhom iħossuhom sodisfatti bl-istaġun li kellhom, li żgur se jitqies l-aqwa wieħed fl-istorja tagħhom hekk kif temmew l-ewwel fażi fir-raba’ post bi 15-il punt, filwaqt li għelbu lil Neptunes u Sirens.
Kien Timmy Sullivan li fetaħ l-iskor għal Exiles iżda doppjetta ta’ Nicolas Bicari dawret il-vantaġġ. Aurelien Cousin ġab id-draw iżda gowl sabiħ ta’ Jacob Sciberras poġġa lil Sirens 3-2 minn fuq.
Tripletta ta’ Nicolas Bicari poġġiet lil Sirens 6-3 minn fuq, u minkejja li Slobodan Nikic naqqas id-distakk, John Brownrigg skorja ġmiel ta’ gowl biex daħħal lit-tim b’vantaġġ ta’ tliet gowls.
Dan wassal biex Exiles kellhom jagħmlu reazzjoni qawwija biex jibqgħu b’ċans li jikkwalifikaw. Huma għamlu dan u daħlu fil-logħba bi tliet gowls konsekuttivi ta’ Mark Fenech, Sean Xerri de Caro u ġest tekniku mill-isbaħ ta’ Slobodan Nikic.
Il-Kanadiż Bicari skorja għal Sirens iżda penalty ta’ Aurelien Cousin eżatt qabel tmiem it-tielet sessjoni, assigura li ż-żewġ timijiet jibdew l-aħħar sessjoni fi draw. B’Sirens gowl minn fuq fit-total taż-żewġ logħbiet, l-urġenza kienet aktar fuq Exiles biex jiskorjaw il-gowl tar-rebħa.
Huma ma rnexxielhomx isibu x-xibka biex is-sitt gowl fil-logħba ta’ Nicolas Bicari kkomplika l-affarijiet għal Exiles li aktar ma għadda ż-żmien aktar komplew jaqtgħu qalbhom li jistgħu jwettqu rimonta.
Sirens: N. Grixti, P. Privitera, E. Aquilina, N. Bicari (6), M. Grech (1), I. Riolo, C. Mercieca, J. Sciberras (1), J. Napier, J. Ciantar, L. Caruana, J. Brownrigg (1), A. Bugeja
Exiles: M. Castillo, M. Fenech (2), A. Bianchi, M. Stellini, T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro (1), S. Nikic (2), K. Griscti, N. Paris, A. Cousin (2), B. Lanzon, P. Paris, G. Ciappara
Referees: Alex De Raffaele, Alessandro Severo
Neptunes fis-semifinali mingħajr tbatija
VALLETTA VIDEOSLOTS…………. 7
NEPTUNES LEO VEGAS…………. 14
(2-3), (1-5), (3-4), (1-2)
Aggregate – 13-29
Kif mistenni, Neptunes Leo Vegas qatgħu passaġġ għas-semifinali tal-play-offs b’rebħa fuq Valletta biex għaddew b’aggregate ta’ 29-13. B’hekk fis-semifinali jilagħbu kontra Sliema, f’konfront li jintlagħab fuq l-aqwa minn tliet logħbiet. Nieqes għal Neptunes kien Petar Muslim.
Din il-logħba fissret ukoll it-tmiem tal-istaġun għal Valletta, staġun deludenti li fih kisbu biss draw kontra Exiles, bl-iskwadra tagħhom ma tkunx b’saħħitha biżżejjed biex tikkompeti mat-timijiet l-oħra fil-Kampjonat Premier.
Neptunes rebħu l-ewwel sessjoni 3-2 fejn kellhom imorru fil-vantaġġ tliet darbiet wara li Valletta kienu ġabu d-draw darbtejn minn Charlie Zammit u Marthon Toth. Ryan Mock ġab id-draw fit-tieni sessjoni, iżda minn hemm, Neptunes iddominaw fejn skorjaw ħames gowls konsekuttivi permezz ta’ Jeremy Abela u erba’ gowls ta’ Stevie Camilleri.
Minbarra l-kwalifikazzjoni, il-partita wkoll kienet deċiża bil-logħba tnaqqas fl-intensità tagħha, filwaqt li l-kowċ Jovan Popovic kompla jagħti aktar spazju liż-żgħażagħ fit-tim inkluż il-gowlkiper Joseph Parnis.
Minkejja dan, Neptunes xorta baqgħu jiddettaw il-logħob u rebħu t-tielet sessjoni, f’taqsima li kienet simili għall-ewwel waħda hekk kif Valletta wieġbu għal tliet darbiet wara l-gowls tal-avversarji sakemm Ken Erdogan skorja l-gowl li rebbaħ is-sessjoni.
L-aħħar sessjoni kienet identika għal ta’ qabilha, b’Neptunes jikkontrollaw. Għal Neptunes skorjaw Miguel Zammit u Gabriel Pace filwaqt li Marthon Toth skorja bejniethom. Toth temm bħala l-aqwa skorer ta’ Valletta.
Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines, A. Agius (1), M. Mifsud, T. Agius, R. Mock (1), D. Paolella, M. Toth (4), N. Bonello Ghio, C. Zammit (1), N. Farrugia, L. Gialanze, M. Lanzon
Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan (1), G. Pace (2), N. Zammit, S. Camilleri (6), J. Camilleri (2), J. Abela (1), M. Zammit (1), J. Muscat (1), M. Azzopardi, J. Parnis
Referees: Stefan Licari, Gianfranco Buonavita
//= $special ?>