Lokali

FILMAT u RITRATTI: 100 immigrant irregolari ieħor jiddaħlu Malta

Abbord il-patrol boat tal-AFM kien hemm żewġ katavri

Ftit wara s-1.30pm, iddaħlu f’Xatt it-Tiben 100 immigrant irregolari ieħor.

Huma ddaħlu abbord il-patrol boat P52 u magħhom kien hemm ukoll żewġ immigranti oħra li mietu matul il-vjaġġ fil-Mediterran.

Fi stqarrija, qabel ma waslu f’pajjiżna, il-Gvern spjega li l-immigranti ġew salvati mill-patrol boat tal-Armata 68 mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Maltija.

Dan kien it-tielet każ ta’ immigranti li waslu Malta fi ftit jiem, hekk kif fi tmiem il-ġimgħa ddaħħal grupp ta’ 61 persuna u f’Santa Marija daħlu 35 immigrant.

Għaldaqstant, f’ġimgħa daħlu Malta madwar 200 immigrant irregolari.

Sadanittant, il-Gvern ikkonferma wkoll li Malta għadha qed iżżomm parti mill-immigranti li daħlu fis-27 ta’ Ġunju abbord il-bastiment MV Lifeline.

Fi tweet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia faħħar il-ħidma tal-Forzi Armati Maltin li qed isalvaw dawn il-ħajjiet.  Qal li Malta qed tagħmel aktar milli jmissha. Ħeġġeġ lill-gvern sabiex ikompli jagħmel pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea biex ir-responsabiltà tinġarr minn kulħadd għaliex pajjiżna ma jistax jitħalla waħdu.

Filmat: Joe Francalanza
Muntaġġ: Beverly Abela
Ritratti: Martin Agius