Ix-xita qawwija li għamlet aktar kmieni fix-Xlendi wasslet għal għargħar fit-triq ewlenija li twassal għall-bajja. Iżda minħabba nuqqas ta’ attenzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Munxar, is-sitwazzjoni ġiet saħansitra agħar.
Dan hekk kif, filwaqt li fil-passat Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista kien ineħħi l-bankijiet ta’ mal-Bajja appena jkun hemm l-ewwel previżjonijiet tax-xita, il-Kunsill preżenti mmexxi minn maġġoranza Laburista ma neħħihomx.
Residenti fiż-żona tax-Xlendi, li tkellmu ma’ NETnews.com.mt, spjegaw li l-ewwel xita tnaddaf il-wied, b’materjal fosthom qasab jispiċċa jinġarr mal-ilma. Kien għalhekk li fil-passat, il-Kunsill kien ineħħi l-bankijiet ħalli l-materjal li jinġarr mal-ilma, ikun jista’ jibqa’ għaddej.
Iżda bid-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali Laburista, li ma jneħħix il-bankijiet, aktarx li għadd ta’ qasab weħlu mal-bankijiet, bil-konsegwenza li nħolqot barrikata li żammet l-ilma. Dan wassal, komplew jispjegaw ir-residenti, biex il-livell tal-ilma baqa’ għoli. Kawża ta’ dan, għadd ta’ ħwienet spiċċaw imtlew bl-ilma, bil-possibbiltà ta’ ħsarat fil-propjetà.
Ir-residenti spjegaw li meta kienu nnutati l-previżjonijiet ta’ xita qawwija, ġibdu l-attenzjoni immedjatament lill-Kunsill Lokali. Madankollu, jidher li l-appelli tagħhom waqgħu fuq widnejn torox, tant li l-ewwel xita ġiet, il-bankijiet tħallew hemm u l-ilma ma setax jibqa’ għaddej.
//= $special ?>