Futbol Sport

Il-FIFPro b’appoġġ lejn Samir Arab wara li kien miċħud l-appell mill-CAS

(Ritratt: Matthew Tabone)

L-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Plejers il-FIFPro ħarġet stqarrija biex tikkumenta fuq dak li qalet il-UEFA dwar id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport li ma tilqax l-appell dwar is-sospensjoni ta’ sentejn li ngħatat lil Samir Arab talli ma rrappurtax dwar irranġar ta’ logħob wara li kien avviċinat.

Is-sospensjoni lil Samir Arab ingħatat wara investigazzjoni tal-UEFA f’żewġ logħbiet mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena lura f’Marzu tal-2016. Dawn il-logħbiet eventwalment ma kinux immanipulati minħabba li diversi plejers Maltin li kienu avviċinati fosthom Samir Arab – irrifjutaw li jieħdu parti biex jirranġaw il-logħba. Il-FIFPro qalet ma kinitx se tikkummenta dwar il-każ sakemm kienet komunikata d-deċiżjoni tal-CAS.

Fl-istqarrija l-FIFPro temmen li s-sentenza ta’ sentejn lil Samir Arab mhix ġusta u mhix proporzjonata, u ma tifhimx id-deċiżjoni tal-UEFA li tibda proċeduri dixxiplinarji kontra l-plejers.

Minkejja li Arab ammetta li ma rrappurtax immedjatament lill-UEFA jew l-MFA li kien avviċinat, tliet ġimgħat wara li seħħ l-inċident, hu kkopera ma’ investigazzjoni tal-pulizija f’Malta u xehed fil-qorti kontra min beda l-pjan, li hu individwu b’rekord kriminali li diġà kien sospiż mill-futbol minħabba attentati preċedenti.

Il-qorti Maltija li bagħtet il-ħabs lil min instiga l-pjan, ddeskriviet lil Arab bħala xhud importanti ħafna. L-istqarrija kompliet tgħid li kemm l-investigazzjoni tal-pulizija kif ukoll t-testimonjanza ta’ Arab fil-qorti, kienu qabel il-passi dixxiplinarji tal-UEFA bi kważi sena.

Il-FIFPro kompliet li persuna li kkoperat u serviet ta’ xhud fi proċeduri kriminali, tista’ tkun ikkastigata mill-UEFA b’sentenza ta’ sentejn minn kull attività sportiva filwaqt li ċċaħħad lill-plejer milli jitħarreġ mal-klabb.

L-Assoċjazzjoni tal-Plejers Dinjija qajmet dubji dwar l-edukazzjoni tal-plejers żgħażagħ u saħqet dwar il-protezzjoni tax-xhud għall-plejers li jirrappurtaw avviċinament dwar irranġar tal-logħob, żewġ rikjesti fundamentali kontra l-korruzzjoni.

Il-FIFPro tenniet għal biex ikun hemm miżuri aktar raġunati biex plejers bħal Samir Arab ma jkunux kastigati inġustament, speċjalment meta dawn ikunu qed jipprovdu assistenza sostanzjali biex jinqabdu l-kriminali vera.