Ekonomija Lokali

Il-Gvern jikkawża konfużjoni fis-settur tax-xogħol wara li jissospendi liġijiet li daħħal hu stess

Wara l-‘u-turn’ tal-Gvern li jissospendi żewġ avviżi legali li daħħal hu stess, ikompli joħroġ fil-beraħ it-taħwid li kkawża l-Gvern stess meta għażel li jissospendi żewġ avviżi legali li daħħal hu stess u li jitrattaw il-qasam tax-xogħol.

Dan meta b’konsegwenza tas-sospensjoni tal-avviżi legali, diversi entitajiet differenti ppubblikaw ir-reazzjonijiet tagħhom b’uħud jaqblu mas-sospensjoni u oħrajn jiddikjaraw li ma jaqblux. L-avviżi legali li ddaħħlu mill-Gvern iżda li ġew sospiżi ftit wara jitrattaw il-payslips u l-leave.

Fost dawk li qalu li jaqblu mas-sospensjoni hemm il-Malta Employment Lawyers Association – il-MELA, assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdana Avukati fil-qasam tax-xogħol. Fi stqarrija il-MELA qalet li l-avviżi legali ddaħħlu bil-moħbi mill-Gvern lejliet Santa Marija imma fuq kollox jikkawżaw diversi mistoqsijiet ta’ natura legali li għandhom jiġu indirizzati qabel jiddaħħlu fis-seħħ.

Il-MELA qalet li kemm-il darba offriet l-għajnuna tagħha lill-Gvern biex ifassal liġijiet ħolistiċi għall-qasam tax-xogħol, iżda l-Gvern baqa’ jinjoraha – inkluż f’din l-okkażjoni fejn minflok ma ddiskuta mal-istakeholders, il-Gvern qabad u ppubblika avviżi legali biex jipprova jsodd xi toqob legali biex kellu jreġġa’ lura d-deċiżjoni li ħa.

Ma jaqblux mas-sospensjoni kien hemm il-General Workers’ Union (GWU) li fi stqarrija ddikkjarat b’mod mill-aktar ċar li ‘b’mod assolut ma taqbilx mas-sospensjoni tal-avviżi legali.’ Il-GWU qalet li l-avviżi legali kellhom l-għan li jiċċaraw diversi anomaliji fl-interpretazzjoni tal-liġijiet.

Pożizzjoni simili mill-Moviment Graffiti li fi stqarrija ċanfar lill-Gvern meta qal li dawn ir-regolamenti għandhom immedjatament jerġgħu jidħlu fis-seħħ wara li ġew irtirati. “Gvern Laburista għandu jagħti priorità lid-drittijiet tal-ħaddiema u m’għandux iċedi għall-pressjoni,” qal il-Moviment Graffiti.

Sadanittant, wara d-deċiżjonijiet mgħaġġlin mill-Gvern li wasslu għall-‘u-turn’ u s-sospensjoni ta’ dawn l-avviżi legali, għad mhux magħruf x’se jkun il-pass li jmiss u jekk hux se ssir konsultazzjoni speċifika mal-istakeholders f’dan il-qasam.

L-irtirar tal-avviżi legali juri li l-Gvern ma jemminx fid-djalogu u l-imsieħba soċjali – il-PN