Futbol Sport

Jose Maria Marin erba’ snin ħabs fuq korruzzjoni

Jose Maria Marin kien Kap tal-Assoċjazzjoni Brażiljana tal-futbol

L-eks kap tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol fil-Brażil Jose Maria Marin ingħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs fuq korruzzjoni. Marin li għandu 86 sena kien wieħed mis-seba’ uffiċjali tal-FIFA arrestati f’lukanda f’Zurich f’Mejju tal-2015.

Hu nstab ħati li aċċetta li jinxtara minn kumpaniji tar-reklamar tal-isport bi bdil ma’ kuntratti biex jixxandru tournaments bħal Copa America. Ukoll, Marin kien immultat madwar €1 miljun filwaqt li kien ordnat li jagħti lura ftit anqas minn €3 miljuni.

Marin ingħata s-sentenza fil-qorti federali ta’ Brooklyn mill-imħallef Pamela Chen. Hu sar l-ewwel uffiċjal li jingħata sentenza bħala parti mill-investigazzjoni Amerikana fil-korruzzjoni fil-FIFA. Marin li kien gvernatur ta’ Sao Paulo, is-sena l-oħra kien instab ħati ta’ sitt mis-seba’ akkużi dwar ħasil tal-flus.

Ħati wkoll instab Juan Angel Napout li fil-passat mexxa l-CONMEBOL li hi l-assoċjazzjoni responsabbli mill-futbol fl-Amerika ta’ Isfel. Il-Peruvjan Manuel Burga ma nstabx ħati. L-avukati ta’ Marin qalu li se jappellaw mis-sentenza.