Minkejja li ninsabu fl-eqqel tal-istaġun tas-Sajf, b’eluf jagħżlu li jaqsmu l-fliegu lejn il-gżira Għawdxija, min għażel li jżur il-Bajja sabiħa ta’ San Blas seta’ jara li din is-sena, din il-bajja ma tistax titgawda bħas-soltu.
Dan hekk kif, għal kuntrarju ta’ snin oħrajn, qabel beda l-istaġun baqgħet ma tnaddfitx l-alka li issa qed tiksi l-parti l-kbira minn fejn wieħed jinżel jgħum.
Anke l-Ministeru għal Għawdex irrikonoxxa din il-problema. Madankollu, ipprova jiġġustifika billi qal li kien għadu qed jistenna l-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet rispettivi – mingħajr ma semma’ liema huma dawn l-awtoritajiet.
Iżda l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – li fil-fatt, hi l-awtorità responsabbli – f’ittra mibgħuta lil The Times of Malta iċċarat li minkejja li rċeviet applikazzjoni mill-Ministeru għal Għawdex biex il-ħaddiema jneħħu l-alka mill-Bajja ta’ San Blas, din ma setgħetx tkun ipproċessata minħabba li ma kinitx ipprovduta l-informazzjoni kollha mitluba.
L-ERA spjegat li ġibdet l-attenzjoni diversi drabi lill-Ministeru biex jibgħat l-informazzjoni meħtieġa, u li kienet għadha nieqsa, iżda din baqgħet ma ntbagħtet qatt.
Barra minhekk, l-Awtorità nnutat ukoll kif il-proċess ta’ tindif ta’ alka fiż-żona ta’ Daħlet Qorrot seta’ jsir mingħajr il-ħtieġa ta’ permess għax f’dak il-każ m’hemmx kumplikazzjonijiet jew perikli. Iżda dan it-tindif sar biss wara ritratti ppubblikati fil-media u li daru wkoll fuq il-media soċjali.
Din is-sitwazzjoni kollha qed toħloq inkonvenjent lil dawk li normalment iżuru din il-bajja. U dan minkejja wkoll id-diversi rapporti li għamlu, fost l-oħrajn lill-Ministeru għal Għawdex. Il-persuni nnutaw kif fis-snin l-imgħoddija, dan il-proċess kien isir qabel ma jikkarga s-Sajf ħalli l-bajja tkun tista’ titgawda kif suppost mill-Għawdxin, il-Maltin u t-turisti li jżuruha.
The Times of Malta rrapporta li biex titnaddaf il-Bajja ta’ San Blas, il-Ministeru għal Għawdex kellu erba’ ħaddiema full-time speċifikament għal hemm. Dawn jiffurmaw parti minn grupp ta’ 57 ħaddiem, impjegati full-time mill-Ministeru speċifikament għat-tindif tal-bajjiet u x-xtajtiet madwar Għawdex.
//= $special ?>