Lokali

Nhar il-Ħadd li ġej il-Festa Għeneb fis-Siġġiewi

Għal darb’oħra l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jkun qed jorganizza s-seba’ edizzjoni ta’ Festa Għeneb.

Festa Għeneb hija attivita’ kulturali bil-għan li jitkattar l-għarfien dwar l-għeneb u r-rabta tiegħu ma’ dan ir-raħal.

Is-Siġġiewi huwa l-lokalita’ bl-akbar ammont ta’ dwieli u b’mijiet ta’ familji Siġġiwin involuti fil-proċess tal-għeneb.

Il-bdiewa jaħdmu tul is-sena kollha meta imbagħad f’Awwissu jintlaħaq iż-żmien tant mistenni, iż-żmien li fih l-għeneb ikun misjur. F’Awwissu, l-għassier tal-għeneb jibda jdur id-dwieli u jiċċekja l-livelli taz-zokkor. Meta jkunu fl-aħjar stat li jingħasru, il-bdiewa flimkien ma’ nies li jqabbdu huma stess, jibdew il-ħsad tal-għeneb. Wara dan l-għassier jibda jagħsar l-għeneb u tibda l-ħidma sabiex isir l-inbid.

Uħud mill-bdiewa li jagħtu sehemhom fil-Festa Għeneb spjegaw il-proċess tul is-sena.

Festa Għeneb hija attivita’ li tinkludi prodotti marbuta mal-għeneb, kompetizzjoni tal-inbid, arti, artiġġjanat, divertiment minn kantanti u żeffiena lokali kif ukoll stands tal-ikel. Fl-attivita’ ssir ukoll il-Kukkanja li saret sinonima ma’ Festa Għeneb u attrazzjoni ewlenija tal-attivita’. Il-programm ta’ din is-sena, jinkludi wkoll poeżiji miktuba minn Siġġiwin inkluz minn tfal.

Il-Kunsill Lokali se jkun qed iniedi l-karattru tan-Nanna Kola, karattru li nħoloq bl-għan li jitwassal messaġġ dwar edukazzjoni ambjentali, wara li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien rebbieħ tal-European Week for Waste Reduction fl-2016.

Alessia Psaila Zammit, is-Sindku tas-Siġġiewi, irrimarkat li din hija attivita’ ewlenija fil-kalendarju kulturali tas-Siġġiewi. Irringrazzjat ukoll lill-bdiewa nvoluti, lill-voluntiera u lill-għaqdiet tal-impenn u dedikazzjoni tagħhom lejn l-organizazzjoni ta’ diversi attivitajiet, fosthom Festa Għeneb.

Festa Għeneb issir bil-kollaborazzjoni tad-Dar tal-Providenza u VitiMalta u tinkludi s-sehem ta’ diversi għaqdiet lokali fis-Siġġiewi. Matul l-attivita’ jinġabru fondi b’risq id-Dar tal-Providenza li imbagħad jiġu preżentati waqt il-Festa ta’ Ġenerożita’ li ssir fl-1 tas-sena fis-Siġġiewi stess.

Festa Għeneb se tkun qed issir il-Ħadd 26 t’Awwissu 2018 mis-7pm ‘l quddiem, fi Pjazza San Nikola fis-Siġġiewi.