Lokali

Skrivani u cleaners f’Mount Carmel sfurzati jagħmlu xogħol ta’ kostruzzjoni

Tilwima industrijali ġdida fl-isptar Mount Carmel

Wara ġimgħat ta’ diskussjoni li ma waslu mkien konkrett, il-General Workers’ Union irreġistrat tilwima industrijali bil-għan li ħaddiema tal-kuntratturi impjegati fl-Isptar Monte Carmeli bħala skrivani u cleaners li iżda qed jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni, jkollhom l-pożizzjoni tagħhom regolata.

Fi stqarrija, il-GWU qalet li meta saret taf bil-każ, saru kuntatti mal-awtoritajiet tal-isptar fejn talbet biex jiġu rranġati l-anomaliji li qed joħolqu diskriminazzjoni u sitwazzjoni inaċċettabbli. Il-Union infurmat lill-awtoritajiet tal-Isptar Monte Carmeli li mhuwiex aċċettabbli li dawn il-ħaddiema qed jaħdmu xogħol li ma kienux impjegati għalih u fl-istess waqt mhumiex qed jingħataw il-pagi u l-kundizzjonijiet li suppost jirċievu ħaddiema li qed jagħmlu x-xogħol tagħhom.

Il-GWU qalet li l-ħaddiema kienu qed jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni u kostruzzjoni, li huwa regolat minn diversi liġijiet tax-xogħol u għal daqstant l-awtoritajiet tal-Isptar Monte Carmeli għandhom jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom skont kif titlob il-liġi.

Fi tmiem l-istqarrija, il-GWU wissiet li sakem is-sitwazzjoni ma tkunx solvuta, hija se tagħmel użu mid-dritt li ttieha l-liġi u qed tagħti direttiva lill-imsieħba tagħha biex ma jagħmlux xogħol ta’ manutenzjoni u kostruzzjoni.