Lokali

Titqaċċat siġra fit-telgħa tas-Saqqajja

Inċident li seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar gravi meta trakk li kien għaddej mit-Telgħa tas-Saqqajja, ir-Rabat, baqa’ dieħel ġo siġra.

L-inċident seħħ filgħodu u konsegwenza tiegħu, parti kbira ta’ din is-siġra tqaċċtet u spiċċat fuq il-bankina.

Skont informazzjoni li għandu NET News, ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident hekk kif jidher li ħadd ma kien għaddej bil-mixi fil-ħin li z-zokk kbir mis-siġra millquta nstabat fuq il-bankina.

Ma setax jonqos li kawża ta’ dan l-inċident, fiż-żona inħolqot konġestjoni kbira tat-traffiku hekk kif fuq il-post kellhom imorru kemm Puliżija kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Sal-ħin li NET News kien fuq il-post tal-inċident, kien twaħħal it-tape tal-Pulizija biex ikun evitat il-periklu minn min ikun għaddej bil-mixi. Aktar tard kellha tibda ħidma biex il-fdalijiet tas-siġra jitneħħew mill-post.