Lokali

Xogħol maġġuri li allegatament qed isir bla permessi

Dubji anke dwar il-mina ta' Santa Luċija

Skont is-sit elettroniku tal-Awtorita’ tal-Ippjanar, ix-xogħol li qed isir bħalissa biex titwessa’ it-triq ewlenija li minn San Ġwann twassal lejn in-Naxxar qed issir bla permess. Dan kien żvelat mill-ġurnal Times of Malta.

Jidher li l-Gvern hu determinat li jlesti Triq Tal-Balal sa qabel tibda s-sena skolastika. Dan sabiex ma tkomplix iżżid mal-problemi tat-traffiku li huma karatteristika taz-zona, kważi tul is-sena kollha.

Illum, l-istess gazzetta qed tirrapporta każ ieħor fejn il-Gvern donnu qed jibqa’ għaddej bil-proġetti bla ma jagħti kas ħadd u xejn.

B’referenza għall-mina li mistennija tinbena f’Santa Luċija, it-Times qed tiżvela li investigazzjoni arkeoloġika li saret b’rabta mal-proġett ma kelliex il-kunsens tas-Supretendent tal-Wirt Kulturali. Sorsi qed jgħidu wkoll li s-Sovrantindenza esprimiet tħassib għall-pjan li titwaqqa’ binja bħala parti mix-xogħol li hemm pjanat li jsir f’Santa Luċija – binja li possibilment għandha valur kulturali kbir.

It-Times qed tgħid li s-Supretendent ma oġġezzjonax għal dan il-proġett minħabba “l-urġenza” tiegħu. Iżda għadda ittra formali lill-Awtorita’ tal-Ippjanar.