Lokali

Żieda fil-prezzijiet tal-ikel li tolqot ħażin il-familji

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazjoni, Kristy Debono u l-Kelliem għall-Finanzi, Mario de Marco, saħqu li l-aħħar statistika tal-NSO turi żieda ta’ kważi 3% fil-prezzijiet tal-ikel, liema żieda tolqot ħażin b’mod speċjali l-familji bi dħul baxx u l-anzjani. Dan filwaqt li kien hemm żieda fl-inflażjoni matul ix-xahar ta’ Lulju meta mqabbel max-xahar ta’ qabel. L-ikel huwa bżonn ta’ kuljum għal kulħadd u din iż-żieda fl-inflazzjoni tingħaqad ma’ statistika tal-Eurostat li kienet ikkonfermat kif il-prezzijiet tal-ikel f’Malta huma 10% ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

Dawn iż-żieda fl-indiċi tal-ikel trid tittieħed fil-kuntest li l-prezz tal-ħobż żdied u serq li qed isir mill-Gvern fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Statistika tal-Eurostat kienet ikkonfermat li Malta rat it-tielet l-akbar żieda fil-prezz tal-elettriku fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u bejn l-2016 u l-2017, il-kontijiet żdiedu b’7.1%. Dan meta statistika oħra tal-Eurostat uriet li ż-żidiet fil-pagi tal-ħaddiema Maltin mhix tlaħħaq maż-żieda fl-inflazzjoni u l-ogħli tal-ħajja.

Iż-żieda fil-prezz tal-ikel u l-inflazzjoni tispiċċa biex tnaqqar mill-pagi u jispiċċaw ibatu l-familji. Dan meta skont l-istess NSO hawn aktar minn 72,000 Maltin u Għawdxin li jinsabu fir-riskju tal-faqar. Minflok żieda fl-inflazzjoni, n-nies qed jistennew li jgawdu mit-tkabbir ekonomiku li qed tipproduċi s-soċjetà u mhux minflok qed jaraw żieda fil-prezzijiet tal-ikel u affarijiet bażiċi.