Il-Gvern Bulgaru approva pjan ta’ azzjoni biex ikun jista’ jadotta l-ewro. It-tir tal-Gvern Bulgaru hu li sa Ġunju, bħala parti minn dan il-proċess tkun saret parti mill-għaqda bankarja Ewropea.
Il-Bulgarija f’Lulju applikat biex tidħol fil-mekkaniżmu ta’ rata ta’ skambju (ERM-2), wara li l-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro u l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) taw l-approvazzjoni tagħhom. Il-Lev Bulgara ilha marbuta mal-ewro u hi l-ewwel pajjiż mhux membru taz-zona ewro li applikat biex tissieħeb fl-għaqda bankarja. B’hekk l-ECB tkun tista’ tgħasses il-banek Bulgari.
Biex tilħaq il-miri, il-Bulgarija trid twettaq diversi riformi kif ukoll tistinka aktar kontra l-ħasil ta’ flus. L-ECB issa se jirrevedi s-sistema finanzjarja Bulgara kif ukoll is-saħħa tal-banek Bulgari qabel ma jagħti l-approvazzjoni għall-proċess ta’ sħubija.
Proċess li jista’ jieħu sena, imma anki aktar, skont il-progress li jsir mill-awtoritajiet Bulgari. B’inflazzjoni baxxa, surplus fil-Baġit tal-Gvern u dejn pubbliku baxx, il-Bulgarija diġà tilħaq parti sew mill-kriterji għas-sħubija fiz-zona ewro.
Imma l-produzzjoni ekonomika hi nofs il-medja tal-Unjoni Ewropea u l-korruzzjoni u problemi f’xi ba-nek iwaddbu dell fuq il-prospetti ta’ sħubija fiz-zona ewro.
//= $special ?>