Lokali

Il-Gvern jeħtieġ jibda jindirizza bis-serjetà l-kriżi li ġab b’idejh fil-qasam tal-housing – Il-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-istqarrija tal-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Propjetà (FEA) li kompliet ikkonfermat dak li ilhom jgħidu hi u ħafna għaqdiet fis-settur. Kif qalu l-Estate Agents, il-Gvern ħoloq problema li, flok jara kif se jsolviha, spiċċa jgħajjar lill-vittmi tal-politika tiegħu.

Il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Propjetà ddeskriviet bħala ‘ddisprata’ s-sitwazzjoni li ġab il-Gvern u li qed tfisser familji mhux biss jorqdu fil-garaxxijiet imma wkoll fil-karozzi, kif seħħ fil-każ ta’ omm imċaħħda minn housing soċjali; każ imxandar ukoll fl-aħbarijiet tal-istazzjon tat-televiżjoni tal-Gvern stess.

Din il-kriżi hi wieħed mir-riżultati tal-immigrazzjoni bla pjan li s-sena l-oħra fissret, skont ċifri tal-Gvern stess, immigrazzjoni ta’ xejn anqas minn 15,000 immigrant nett. Dawn il-15,000 huma dawk dikjarati, għax nafu li hawn ħafna mhux dikjarati, kif kienu aktar minn mitt immigrant trattati bħal annimali f’razzett.

Il-Gvern imbarka fuq politika ta’ immigrazzjoni qawwija biex jonfoħ iċ-ċifri tal-ekonomija b’żieda kbira fil-popolazzjoni barranija flok tkabbir fil-ġid ras għal ras. Iżda l-Gvern ma qies xejn l-effetti ta’ din il-politika tiegħu fuq diversi oqsma, fosthom il-pagi tal-ħaddiema Maltin, l-infrastruttura u l-ambjent ta’ pajjiżna, it-traffiku, il-lingwa Maltija, il-koeżjoni soċjali, il-kirjiet u l-housing soċjali.

Minkejja ċ-ċaħdiet tal-Gvern, il-garaxxijiet li għandhom id-dawl u l-ilma qed jinbidlu fi djar għall-immigranti, ġonna pubbliċi bħal dak biswit Triq Diċembru XIII fil-Marsa spiċċaw f’dormitorji, u kellna l-każ notorju tal-immigranti sfruttati bħal annimali f’razzett tal-baqar.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà tal-politika ta’ immigrazzjoni qawwija bla pjan. Din tassew li tonfoħ iċ-ċifri ekonomiċi, imma l-ġid ras għal ras qed jistaġna, u l-persuni l-aktar vulnerabbli qed jiffaċċjaw kirjiet ta’ mijiet ta’ ewro fix-xahar bla ma jsibu kenn fil-housing soċjali, anzi jsibu lill-Gvern jgħajjarhom.