Futbol Sport

Il-kowċ nazzjonali Ray Farrugia jsejjaħ skwadra proviżorja għall-ewwel impenji fil-UEFA Nations League

Ray Farrugia flimkien ma' Branko Nisevic (xellug) u Luca Pagani (lemin)

Il-kowċ nazzjonali Malti Ray Farrugia sejjaħ skwadra ta’ 26 plejer għall-ewwel żewġ impenji ta’ Malta fil-UEFA Nations League kontra l-Gżejjer Faroe u l-Ażerbajġan. Malta tilgħab l-ewwel logħba kontra l-Gżejjer Faroe fis-7 ta’ Settembru filwaqt li fl-10 ta’ Settembru Malta tilgħab fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali kontra l-Ażerbajġan.

Mill-iskwadra ta’ 23 plejer għall-kamp ta’ taħriġ li sar fl-Awstrija f’Ġunju li għadda, kien hemm diversi bidliet. Minn dik l-iskwadra naqsu Jurgen Pisani, Myles Beerman, Luke Gambin, Jurgen Degabriele u Kyrian Nwoko.

Farrugia reġa’ sejjaħ lil Clayton Failla, Ryan Fenech u Rowen Muscat filwaqt li Juan Corbalan ġie magħżul għall-ewwel darba. Irritornaw Zach Muscat, Johann Bezzina, Jean Paul Farrugia u Andrè Schembri li kienu mweġġgħin għall-kamp ta’ taħriġ.

Farrugia tkellem dwar l-għażla tat-tim fejn qal li hu importanti li l-plejers żgħażagħ jitgħallmu minn dak ta’ esperjenza, filwaqt li plejers bħal Roderick Briffa, Michael Mifsud, Andrew Cohen, Andrè Schembri u Andrei Agius jieħdu lil dawn il-plejers taħt idejhom.

Il-kowċ nazzjonali kompla li jemmen li jekk isiru dawn l-affarijiet, il-futur ikun isbaħ mill-preżent. “It-tim nazzjonali hu kollox għalija u l-plejers huma ħerqana għal dawn il-logħbiet.” Farrugia jemmen li t-tim Malti jista’ jġib ċertu riżultati.

Id-Direttur tat-timijiet nazzjonali tal-MFA Ivan Vella qal li għall-ewwel darba l-MFA se tuża titjiriet chartered għall-ivvjaġġar tal-logħbiet tat-tim nazzjonali tal-kbar. Dan ifisser li għall-ewwel impenn kontra l-Gżejjer Faroe, it-tim Malti se jmur titjira diretta.

Skwadra magħżula

Gowlkipers: Henry Bonello (Valletta), Andrew Hogg (Hibernians), Steve Sultana (Balzan)

Difensuri: Ferdinando Apap (Victoria Hotspurs), Andrei Agius (Hibernians), Steve Borg (Valletta), Ryan Camilleri (Valletta), Clayton Failla (Floriana), Michael Johnson (Balzan), Joseph Mbong (Hibernians), Zach Muscat (Pistoiese), Joseph Zerafa (Valletta)

Midfielders: Johann Bezzina (Hibernians), Roderick Briffa (Gżira United), Juan Corbalan (Gżira United), Paul Fenech (Birkirkara), Ryan Fenech (Sliema Wanderers), Jake Grech (Birkirkara), Rowen Muscat (Valletta), Steve Pisani (Floriana), Dunstan Vella (Hibernians)

Attakkanti: Andrew Cohen (Gżira United), Alfred Effiong (Balzan), Jean Paul Farrugia (Sliema Wanderers) Michael Mifsud (Birkirkara), Andrè Schembri (Apollon Limassol)