Lokali

Kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-biki f’appartamenti tal-Gvern

3 filati dranaġġ, irwejjaħ insapportabbli u nemus. Din hi l-kundizzjoni tal-biki li diversi persuni qed jgħixu fiha lejl u nar fi blokka t’appartamenti tal-Gvern fil-Marsa.

Ir-residenti ilhom isofru f’dawn il-kundizzjonijiet inumani għal dawn l-aħħar ħames xhur sempliċiment biex isir lift għall-blokka t’appartament.

Ir-residenti spiċċaw ma jistgħux jiftħu t-twieqi ta’ djarhom minħabba r-riħa nsapportabbli li qed jarmi d-dranaġġ.

Riżultat ta’ dan id-dranaġġ, fil-post hemm numru kbir ta’ nemus; b’dan kollu qed iwassal għal riskju ta’ mard.

Meta r-residenti kienu rraportaw hekk kif ix-xogħol kien beda iżda qatt ma tkompla, dawk responsabbli marru fuq il-post u permezz ta’ pompa jitfaw id-dranaġġ f’nofs ta’ triq.

B’din is-sitwazzjoni spiċċaw mhux biss ibatu r-residenti ta’ din il-blokka, iżda wkoll residenti oħra f’djar tal-madwar.

Problema waħda iżda li waslet għal diversi problemi oħra. Dan hekk kif biex isir il-lift, spiċċa tneħħa l-bieb prinċipali; b’riżultat li kellha titkisser tieqa fuq in-naħa ta’ wara tal-blokka biex isir bieb ieħor.

Għal dan il-bieb il-ġdid sar taraġ li hu perikoluż għal dawk li jużawh. Dan it-taraġ, li hu magħmul minn Chipboard spiċċa tmermer minħabba x-xita li saret, bir-residenti spiċċaw jirranġaw huma biex ħadd ma jweġġa.

Meta kienu bdew ix-xogħolijiet, ħaddiema kienu daħlu fil-propjetà ta’ waħda mir-residenti u tefaw toilet għalihom infushom biex jużaw. Dan qed iwassal ukoll li ħierġin l-iwejjaħ minn hemmhekk.

F’nofs ta’ triq hemm ukoll katusa tal-ilma li nqasmet u ilha hekk għal xahrejn sħaħ mingħajr ħadd ma rranġaha.

Ritratti: Matthew Tabone