Basketball Sport

Kurt Cassar se jilgħab għall-ewwel darba fil-kampjonat Taljan A2

Kurt Cassar

Aħbar sabiħa mill-kamp tal-basketball lokali hekk kif iż-żagħżugħ Kurt Cassar se jkompli l-karriera tiegħu fl-Italja hekk kif ingħaqad ma’ Bakery Piacenza mingħand Stella Azzurra Roma. Iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena li hu twil 2.08 metri, se jkun qed jilgħab fil-kampjonat A2 għall-ewwel darba fil-karriera.

Cassar kien parti mit-tim nazzjonali Malti li x-xahar l-ieħor rebaħ il-Kampjonat Ewropew tal-FIBA għall-Pajjiżi ż-Żgħar. Is-sena l-oħra, Cassar kien rebaħ ukoll l-aqwa plejer fil-Kampjonat Ewropew tal-FIBA Diviżjoni Ċ ta’ taħt it-18-il sena li sar is-sena l-oħra f’Ċipru.

Hu kien ġibed l-attenzjoni ta’ Stella Azzurra Roma fl-2014 waqt tournament mat-tim nazzjonali. Fl-erba’ snin li għamel magħhom, Cassar lagħab mat-timijiet ta’ taħt is-17, it-18 u l-20 sena. Hu rnexxielu jilgħab fis-Serie C u fl-istaġuni 2016/2017 u 2017/2018 lagħab ukoll fis-Serie B.

F’dawn iż-żewġ staġuni, Kurt Cassar kellu medja ta’ 5.61 punti u 6.04 punti rispettivament, u medja ta’ 4.07 u 5.17 rebounds. Dan fisser titjib minn staġun għall-ieħor li wassal biex Cassar se jilgħab f’dan il-kampjonat.

Fl-ewwel kummenti lis-sit ta’ Bakery Piacenza, Kurt Cassar qal li għamel din l-għażla għaliex jemmen li hi l-iskwadra ġusta għalih. Hu qal li dan it-tim li għadu kemm ġie promoss fil-kampjonat A2, hu interessat fiż-żgħażagħ. “Ninsab ħerqan li nibda u nistenna kampjonat tajjeb min-naħa tiegħi, iżda aktar mill-iskwadra tagħna li ħerqan li nsir naf,” qal Cassar.

Bakery Piacenza jilagħbu l-ewwel logħba tal-kampjonat fis-7 ta’ Ottubru kontra Cento.