“L-għaġla li biha l-Gvern jissospendi l-avviżi legali li jkun ħareġ, ma tawgurax tajjeb favur it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati.”
Iddikjarat dan il-Forum Unions Maltin fi stqarrija wara li l-Gvern ħareġ avviżi legali dwar is-suq tax-xogħol u ssospendihom inqas minn ġimgħa wara kawża tal-kontroversja li nqalgħet.
Kontroversja li saħansitra wasslet biex it-Tleta, il-GRTU, il-Kamra tal-Kummerċ, Industrija u Intrapriża, l-Assoċċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, u l-Assoċċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti ħabbru li qed jirrifjutaw li jattendu għal-laqgħat mal-Bord għar-Relazzjonjiiet Industrijali, l-ERB, sakemm din is-sitwazzjoni tiġi ndirizzata.
Kien dakinhar stess li l-Gvern issospenda l-avviżi legali li jemendew fost l-oħrajn liġijiet dwar il-leave u l-paylslips.
Fi stqarrija tal-Forum, iffirmata mill-President Marco Bonnici u s-Segretarju Ġenerali Colin Galea, jingħad li issa hu mistenni li l-Gvern jaġixxi bl-istess nuqqas ta’ dewmien meta l-unions trejdunonistiċi joġġezzjonaw għal miżuri li jkunu ta’ detriment għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati.
Fost oħrajn jingħad kif, fost il-wegħdiet li saru mill-Gvern u għadom ma daħlux fis-seħħ, hemm dik li l-impjegati jkunu jistgħu jieħdu s-sick leave meta l-ulied ikunu morda.
Il-uturn tal-Gvern dwar dan l-Avviż Legali qajjem kontroversja kbira, bil-Partit Nazzjonalista jgħid kif dan juri li l-Gvern ma kkonsultax mal-imsieħba soċjali u li dan hu eżempju ta’ nuqqas ta’ diskussjoni serja fejn il-Gvern wera li ma jemminx fid-djalogu soċjali biex jitfasslu proposti konkreti u sostenibbli maqbula bejn ir-rappreżentanti ta’ min jaħdem u ta’ min iħaddem.
Apparti l-unions ta’ min iħaddem, fost dawk li qalu li jaqblu mas-sospensjoni hemm il-Malta Employment Lawyers Association – il-MELA, assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdana Avukati fil-qasam tax-xogħol.
Fi stqarrija il-MELA qalet li l-avviżi legali ddaħħlu bil-moħbi mill-Gvern lejliet Santa Marija imma fuq kollox jikkawżaw diversi mistoqsijiet ta’ natura legali li għandhom jiġu indirizzati qabel jiddaħħlu fis-seħħ.
Ma jaqblux mas-sospensjoni kien hemm il-General Workers’ Union (GWU) li fi stqarrija ddikkjarat b’mod mill-aktar ċar li ‘b’mod assolut ma taqbilx mas-sospensjoni tal-avviżi legali’ u l-Moviment Graffiti li fi stqarrija ċanfar lill-Gvern meta qal li dawn ir-regolamenti għandhom immedjatament jerġgħu jidħlu fis-seħħ.
//= $special ?>