Membri tal-ekwipaġġ tal-vapur Lifeline li ilhom maqbudin Malta ‘l fuq minn xahrejn dalgħodu mxew b’tebut fuq spallithom minn Pjazza Kastilja sa quddiem il-Qorti.
Dawn il-membri, li magħhom mexa wkoll il-Kaptan Claus-Peter Reisch, mexxew dan il-‘funeral’ bħala simbolu tal-mewt tad-drittijiet umani fl-Ewropa. It-tebut li kienu qed iġorru kien imgeżwer f’bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Stqarrija tal-NGOs Mission Lifelne u Seawatch qalet li filwaqt li l-Kaptan Reisch ħadem biex isalva 235 ruh, qed jiġi akkużat li hu għamel dan mingħajr ma l-bastiment kien irreġistrat kif suppost. L-istqarrija qalet li ħadd ma kien ħa jwaqqaf membri tat-tifi tan-nar milli jaħdmu biex jitfu nirien, sempliċiment għax il-pjanċi tar-reġistrazzjoni tal-fire engine hemm ċans li mhumiex tajbin.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-Kaptan kien għamel dak li hu marbut li jagħmel moralment u legalment meta salva persuni li kienu qed jegħerqu quddiemu. Filwaqt li l-politiċi Ewropej ilhom idawru wiċċhom in-naħa l-oħra għal snin twal, aħna nitolbu biss li tiġi rrispettata d-dinjità tal-bniedem u l-valur ugwali tal-ħajja, kompliet l-istqarrija.
L-NGOs sostnew li ma kien hemm l-ebda prova li r-reġistrazzjoni tal-bastiment kien filfatt irregolari u qalu li dan kien biss attakk bla mistħija fuq NGOs li kienu qed jesponu nuqqasijiet gravi fil-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni. Huma qalu li Malta qed tipprova tagħti eżempju bil-każ tal-Lifeline biex NGOs jitwaqqfu milli jkomplu b’missjonijiet ta’ salvataġġ. Iż-żamma f’Malta fuq bażi legali tas-Sea Watch 3 u l-ajruplan Moonbird li jintużaw għal dawn il-missjonijiet huwa xhieda ta’ dan u permezz ta’ hekk, il-gvern Malti qed iħalli iktar nies imutu mgħarrqa fil-baħar Mediterran.
Intant is-seduta tal-llum fil-każ kontra l-Kaptan tal-Lifeline Reisch damet biss ftit minuti hekk kif l-ispettur Daryl Borg informa lill-qorti li l-ittri rogatorji li ntbagħtu lill-awtoritajiet olandiżi intbagħtu fuq formoli ħżiena. Għaldaqstant l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali se jkollu jerġa jibgħat id-dokumentazzjoni mill-ġdid.
Il-Maġistrat Joe Mifsud għamel apoloġija lill-Kaptan Reisch u qallu li jinsab imbarazzat bis-sitwazzjoni. Reisch qed ikollu jivvjaġġa bejn Malta u l-Ġermanja kull darba li tinżamm seduta.
//= $special ?>