Il-plejers tal-futbol fi Spanja ma ċaħdux li jagħmlu strajk minħabba l-pjan li jintlagħbu xi logħbiet tal-ogħla diviżjoni Spanjola fl-Istati Uniti. Il-captain ta’ Real Madrid Sergio Ramos u l-viċi captain ta’ Barcelona Sergio Busquets kienu fost il-plejers ta’ kalibru li attendew għal laqgħa lbieraħ biex jiddiskuti t-tħassib dwar din il-kwistjoni.
Il-Ġimgħa, La Liga waslet fi ftehim ta’ 15-il sena mal-kumpanija Amerikana tal-media Relevent. L-assoċjazzjoni tal-plejers Spanjoli l-AFE, qalet li l-membri tagħha ma kinux konsultati minn La Liga. Plejers mit-timijiet kollha ta’ dan il-kampjonat iltaqgħu f’Madrid biex jiddiskutu mal-President tal-AFE David Aganzo.
Minbarra Sergio Ramos u Sergio Busquets, attendew ukoll Nacho, Sergio Roberto, Leo Baptistao ta’ Espanyol, Bruno ta’ Villarreal u l-plejers ta’ Atletico Madrid Koke u Juanfran.
La Liga għadha ma tat l-ebda dettalji dwar meta se ssir l-ewwel logħba fil-kontinent l-ieħor, kemm se jkun hemm logħob kull staġun, kif se jintgħażlu u jekk hux se jkun hemm kumpens li se jintilef il-vantaġġ li t-timijiet jilagħbu fil-grawnd tagħhom.
“Il-problema hi n-nuqqas ta’ sens komun, skeda li takkomoda biss benefiċċji oħra u ħadd ma jgħodd lill-partitarji. Irridu nsolvu din il-kwistjoni mal-kapijiet. Il-captains huma rrabjati, u huma kontriha unanimament. Ma tagħmilx sens. Qed nitkellmu fuq ftehim li għandu validità ta’ 15-il sena mingħajr konsultazzjoni mal-plejers,” qal Aganzo.
Dwar il-possibbiltà ta’ strajk, hu żied li se jippruvaw ma jilħqux dak l-estrem iżda sostna li lest li jaslu sa hemm jekk ikun hemm bżonn. Aganzo qal li l-plejers se jerġgħu jiltaqgħu f’Settembru.
L-AFE talbet ukoll il-bilanċ u s-sens komun fid-deċiżjonijiet u kritikat ukoll il-ħinijiet tal-logħob għal xi partiti ta’ La Liga dan l-istaġun. L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li dan jista’ jkollu effett fuq is-saħħa tagħhom minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp jew in-nuqqas ta’ żmien biex jirkupraw.
//= $special ?>