Il-President Russu Vladimir Putin qal li ried issaħħaħ l-infrastruttura militari Russa. Dan bi tweġiba għaċ-ċaqliq tal-infrastruttura militari tan-NATO dejjem eqreb għall-fruntieri Russi. Hu qal dan wara taħditiet ma’ Sauli Niinisto, il-President tal-Finlandja.
Hu qal ukoll li n-NATO ma kinitx qed tikkoopera mar-Russja, speċjalment rigward titjiriet militari. Dan hekk kif m’hi qed tbatti xejn it-tensjoni bejn ir-Russja u l-Punent.
Ir-Royal Air Force (RAF) ilbieraħ ħabbret li żewġ ajruplani tar-RAF tat-tip Typhoon marru jinterċettaw ajruplani militari Russi tat-tip Su-30 Flanker li kienu qed joperaw qrib spazju tal-ajru tan-NATO qrib il-Baħar l-Iswed. L-ajruplani tar-RAF telqu mir-Rumanija.
Dan kien it-tieni inċident simili qrib ir-Rumanija minn Lulju. Sadattant, il-Ministeru tad-Difiża Russu ħabbar li aktar minn 63,000 suldat kienu ntbagħtu jservu fis-Sirja. F’Settembru tal-2015, ir-Russja kienet bdiet tgħin militarment lir-reġim tal-President Bashar al-Assad.
//= $special ?>

