Lokali

Sitta l-isptar, fosthom tifla, wara ħabta bejn sitt vetturi f’San Pawl il-Baħar

Sitt persuni kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura, fosthom tifla ta’ 11-il sena u ommha ta’ 41 sena residenti Santa Venera, wara ħabta li fiha kienu nvoluti sitt vetturi.

L-inċident seħħ ftit wara s-18:00 qrib ir-roundabout tal-Erba’ Mwieżeb, San Pawl il-Baħar. Dan bil-konsegwenza li fl-inħawi, użati minn eluf ta’ karozzi kuljum, inġema’ traffiku qawwi.

Il-Pulizija kkonfermaw dawn id-dettalji, bil-vetturi nvoluti jkunu trakk tat-tip ERF, misjuq minn żagħżugħ ta’ 25 sena minn Ħaż-Żebbuġ u li fortunatament ma weġġax, kif ukoll Hyundai Getz misjuqa minn raġel ta’ 69 sena mill-Mellieħa li kien akkumpanjat minn tliet passiġġieri tal-istess familja li lkoll ittieħdu l-isptar għall-kura.

Il-vettura li kienu fiha l-mara u bintha hi tat-tip Toyota Platz misjuqa minn raġel ta’ 45 sena residenti Santa Venera. Is-sewwieq fortunatament ħelisha ħafif.

Ħelsuha ħafif ukoll mara ta’ 48 sena li kienet qed issuq Kia Seed u żewġ barranin li kienu qed isuqu Daihatsu Sirion u Peogeot 208. Dawn ukoll kienu nvoluti fl-istess inċident.