Kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-aħwa Degiorgio u s-sieħba ta’ wieħed minnhom b’rabta ma’ akkużi ta’ ħasil ta’ flus. F’kawża separata l-aħwa Degiorgio qed ikunu akkużati, flimkien ma’ Vince Muscat, bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fis-seduta ġiet ippreżentata l-istorja tal-impjieg ta’ George u Alfred Degiorgio, u tas-sieħba ta’ George; ir-Rumena Adelina Pop. Fil-Qorti ħareġ li George Degiorgio kien jirreġistra għax-xogħol sal-2008 u kienu wkoll jieħdu l-benefiċċji soċjali minkejja li kienu jgħixu ħajja ta’ lussu.
Alfred u George Degiorgio bdew jieħdu l-għajnuna soċjali mill-2002, u George Degorgio kien jirċievi wkoll children’s allowance għal tlett itfal mill-2008 sa Diċembru tal-2017, għax kien irreġistrat bħala single parent.
Alfred Degiorgio kien impjegat fix-xatt il-Marsa bejn l-1984 u l-1986 qabel ma daħal jaħdem ma’ kumpanija oħra. Min-naħa l-oħra, Adelina Pop ilha mill-2012 reġistrata bħala self-employed u qatt ma ħadet benefiċċji. S’issa tidher li għadha taħdem għax qatt ma mliet l-formola ta’ waqfien mill-impjieg.
Alfred Degiorgio waqaf jieħu l-benefiċċji soċjali f’Settembru li għadda.
Fil-Qorti rappreżentat tal-Kummissarju tat-Taxxi qal li Alfred Degiorgio kien iħallas it-taxxa għal xi snin, filwaqt li George Degiorgio u Adelina Pop m’humiex reġistrati mad-dipartiment tat-taxxa.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, laqgħet it-talba tal-avukat ta’ Adelina Pop biex din tibda toħroġ mid-dar fil-05:00 flok fis-07:30 biex tkun tista’ twassal lil bintha għal-lezzjonijiet tal-għawm.
L-aħwa Degiorgio nżammu arrestati, bil-kumpilazzjoni skedata li tkompli tinstema fis-7 ta’ Settembru li ġej.
//= $special ?>