Lokali

Titnieda ‘The Marcy Foundation’

The Marcy Foundation hija fondazzjoni li se tkun qed tqajjem għarfien dwar suġġetti li huma mdawra bi stigma.

Din il-fondazzjoni li ser tkun mibnija fuq ħames pilastri tnediet l-Erbgħa filgħaxija. Il-pilastri li se jitqajjem għarfien fuqhom huma l-vjolenza domestika, is-saħħa mentali, abbużi ta’ droga, abbużi fuq it-tfal u l-HIV.

Cliff Zammit Stevens, iċ-chairman tal-fondazzjoni u tenur li kiseb suċċess fix-xena mużikali, għadda minn tfulija iebsa fejn kien jara lil ommu tiġi abbużata u saħansitra darba minnhom il-partner t’ommu prova joqtolha.

Fit-tnedija, Cliff saħaq fuq l-idea ta’ soċjetà li fiha n-nies b’diffikultajiet mentali jew problemi oħra jkunu lesti jitkellmu fuq id-diffikultajiet tagħhom mingħajr tlaqliq. Fit-tnedija tal-kampanja qal li l-mentalita’ tan-nies trid tkun waħda ta’  ‘It’s okay to not be okay’.

Intqal ukoll illi minkejja li hawn diversi għaqdiet li jaħdmu sabiex jittejjeb l-għarfien dwar is-saħħa mentali u l-abbużi, din mhix kompetizzjoni iżda l-fondazzjoni  ser tkun qed taħdem bis-sħiħ sabiex teduka s-soċjeta’.

Cliff ħadem flimkien mal-kantanta Ira Losco, fejn riċentament ġiet ippublikata cover version tal-kanzunetta ‘Xemx’.